Internazzjonali

L-Ukrajna: Lesta għall-investigazzjonijiet tal-IAEA wara l-akkużi tar-Russi

L-International Atomic Energy Agency (IAEA) irrifjutat l-akkużi tar-Russja li l-Ukrajna tista’ qed tipprepara bomba radjuattiva – jew dirty bomb – biex tużaha kontra l-militar tal-Kremlin fl-artijiet Ukreni. L-aġenzija – li hi l-osservatur tan-Nazzjonijiet Uniti fis-settur nukleari – qalet li l-ispetturi tagħha kemm-il darba żaru ż-żewġ siti tal-Ukrajna li indikaw ir-Russi u fl-ebda ħin ma sabu xi attivitajiet jew materjal nukleari li ma kenux iddikjarati.

Intant, id-Direttur Ġenerali tal-IAEA, Rafael Grossi, qal li l-ispetturi tiegħu se jirritornaw fis-siti matul il-jiem li ġejjin wara talba speċifika mingħand il-Gvern tal-Ukrajna.

Dan meta r-Russja qatt ma produċiet il-provi għall-allegazzjonijiet dwar id-‘dirty bomb’ tal-Ukreni, bin-NATO qed tiċħad li l-Ukrajna tista’ qed tħejji xi bomba qerrieda fuq din l-iskala. Id-dirty bombs jistgħu jinkorporaw materjal bħall-uranju li jinxtered fl-ajru waqt l-isplużjoni tal-munizzjon konvenzjali.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren Volodymyr Zelensky għadu jinsisti li r-Russja tista’ qed tħejji proprju għal attakk ta’ dan it-tip ‘bl-iskuża li twaqqaf lill-Ukreni milli jirrikorru għall-istess azzjoni’.

Fl-aħħar sigħat, l-IAEA kienet qed taħseb għal ‘proċess ta’ verifika’ fil-lokalitajiet tal-Ukrajna li ma kenux speċifikati u wara li l-ispetturi kienu marru hemmhekk diġà xahar ilu – u mingħajr ma kienu sabu xi ħaġa suspettuża.