Lokali Parlament

Robert Arrigo kien altruwista f’dak kollu li jagħmel

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Gerch ddeskrieva lill-ex Viċi-Kap tal-PN Robert Arrigo bħala politiku u bniedem atruwista f’dak kolli li kien jagħmel.

Il-parlament fakkar b’mod formali lill-ex Viċi Kap tal-PN u ex deputat Nazzjonalista Robert Arrigo b’ċerimonja li fiha tkellmu l-Ispeaker Anġlu Farrugia, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Għal din iċ-ċerimonja attendew il-familja ta’ Robert Arrigo.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li dan hu mument iebes u diffiċli meta wieħed mill-persuni viċin tiegħu jmut. Robert Arrigo ta snin twal ta’ servizz bħala kunsillier u sindku iżda wkoll bħala deputat fil-parlament u Viċi-Kap tal-PN; dan flimkien mas-servizz fit-turiżmu u fl-isports. Kien persuna dedikat għall-kawża, tkun xi tkun kemm fl-isport kif ukoll fit-turiżmu, sostna l-Kap tal-PN, li qal li Robert Arrigo kien jagħmel kollox b’determinazzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li aktar kelma li laqtitu dwar Robert Arrigo hi ‘altruwista’ għaliex kien ipoġġi lil ħaddieħor qablu fosthom lill-persuni fid-distrett u għamle ħafna ġid.

Bernard Grech rrifera għad-diskors tat-tifel ta’ Robert Arrigo li qal li kien se jkompli fuq il-passi ta’ missieru u qal li l-familja ta’ Robert Arrigo għandha l-element altruwista biex tgħin lil ħaddieħor. Marina kienet u għadha bastun u pilastru importanti għal Robert, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.

Hu rrifera għal dak li kitiblu Robert Arrigo meta miet missieru u appella biex il-familja tibqa’ żżomm ħajja l-memorja tiegħu u “kunu kburin bih kif hu kien kburi bikom”.

Il-Kap tal-PN qal li Robert Arrigo kien determinat li jaħdem u jibqa’ jiġġieled il-marda kiefra li ħakmitu; kien determiant li jkompli jaħdem fit-turiżmu. Nibqgħu kburin li Roibert kien wieħed minna, sostna Bernard Grech, li kompla li Robert kien qal li deċiżjonijiet tajba jittrasformaw ruħhom f’ġid għall-poplu; jalla l-politiċi jibgħu illuminati minn dan id-diskors ta’ Robert Arrigo biex il-politiċi jagħmlu kollox fl-interess tal-poplu Malti.

Id-deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li fil-konfront ta’ Robert Arrigo kulħadd qal li kien ġentlom minkejja li kien hemm aġġettivi oħra li jiddeskrivu l-karattru tiegħu. Hu sostna li Robert Arrigo kien persuna li jissimbolizza dak li hu tajjeb f’persuna umana u fil-politika.

Il-Ministru Fearne qal li Robert Arrigo ma kienx jiddejjaq jieħu pożizzjonijiet u jesprimi lilu nnfosu; ma kellux għalxiex jidħol fil-politika anzi din tellfitu. Hu qal li Robert Arrigo kien anki jirrikonoxxi l-affarijiet pożittivi li jwettaq il-gvern u sostna li Robert Arrigo kellu l-kredibbiltà minn kull partit politiku. Robert Arrigo kompla jkabbar il-kredibbiltà meta kien jikkritika anki lill-partit tiegħu stess b’integrità għax kien iħobb lill-partit tiegħu.

Id-Deputat Prim Ministru Fearne qal li Robert Arrigo kien jiġġieled għal dawk il-persuni jħoss li kellhom raġun anki jekk dawn ma jivvutawx lilu; Robert Arrigo kellu jkun il-preġju tal-onestà. Il-mara tiegħu Marina kienet mara li ħabbet ħafna lil Robert Arrigo u tatu l-appoġġ meħtieġ, sostna d-Deputat Prim Ministru, li awgura li t-tifel ta’ Robert Arrigo jkompli fuq il-passi ta’ missieru.