Lokali Qorti

Testment ta’ anzjana iddikjarat null: Każ xokkanti ta’ neputija li ġibditilha eluf ta’ ewro mill-kont tagħha u abbużat mill-vulnerabbilità tagħha

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ddikjarat li tesment li sar f’Mejju ta’ tmien snin ilu huwa null wara li l-Qorti sabet li anzjana ma kinitx kapaċi tieħu ħsieb lilha innifisha u tapprezza dak li kienet qed tagħmel. Din id-deċiżjoni ngħatat f’każ xokkanti fejn l-anzjana minkejja li kienet finanzjarjament b’saħħitha spiċċat mietet abbandunata bin-neputija tagħha tieħu vantaġġ minnha u tiżbakha flok ħadet ħsiebha.

In-neputija tagħha kienet fdata mill-anzjana bi prokura Generali u Specjali u spiċċat biex ġibditilha eluf ta’ ewro fi zmien qasir hafna. Mill-provi ħareġ li mill-kont tagħha kienu qegħdin jinġibdu €600 kuljum bl-ATM, li dan wassal biex is-sezzjoni tal-frodi tal-bank HSBC jintervjenu ghax raw transazzjonijiet suspettuzi.

Il-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff kellu kliem iebes għan-neputija tal-anzjana, li mietet fis-29 ta’ Awwissu tal-2014. Wara li kellha prokura f’isem zijitha, hija rat kif għamlet biex taqla’ l-barra iż-żewġt aħwa tal-anzjana u sitt neputijiet oħra biex hija tkun il-werrieta universali, fatt li seħħ bil-membri tal-familja miż-Żejtun jieħdu l-każ il-Qorti fejn għamlu talbu biex jannullaw it-tesment.

Fil-Qorti ħarġu punti xokkanti bl-anzjana, minkejja l-ġid li kellha kienet tgħix f’kundizzjonijiet mhux umani, f’qiegħ ta’ sodda, għax fil-fatt kienet bedridden, bil-ħarqa mhux mibdula għal sigħat twal, maqfula waħedha f’darha kemm bil-lejl u għall-ħinijiet twal fil-ġurnata f’post imwarrab b’ebda ġirien jgħixu fil-viċinanzi tagħha u f’ambjent fqir.

Dan wara li n-neputija tagħha kienet issakkarha qabel ma tmur għax-xogħol u matul il-lejl tħalliha tfendi għal rasha. L-anzjana, li kienet armla u ma kellhiex tfal spiċċat mietet waħedha, u fil-fatt in-neputija tagħha kienet sabitha mejta meta marret fid-dar tagħha.

Membri tal-familja bla aċċess biex iżuruha

Il-Qorti qieset ix-xhieda tal-membri tal-familja tagħha li lanqas kien ikollhom aċċess iżuruha kemm iridu, għax l-aċċess kien kollu tan-neputija fejn hi biss kellha ċ-ċavetta tad-dar tal-anzjana, u jekk xi ħadd mill-familja ried imur jara lil din il-mara vulnerabbli, kellu bżonn il-permess tan-neputija u kien biss wara insistenza qawwija li huma inghataw c-cavetta.

L-Imħallef Mintoff ta ħafna piż fid-deċiżjoni tiegħu lix-xhieda tal-uffiċjali mis-sezzjoni tal-frodi tal-HSBC li saħansitra marru għand l-anzjana biex ikellmuha dwar n-natura tat-transazzjonijiet. L-Impjegata tal-Bank HSBC xehedet li t- trasferimenti kienu isisru f’ammonti sostanzjali permezz ta’ internet banking u sussegwentment jigu migbuda mill-ATM.

Ix-xhud tal-Bank qalet li rriżulta li kien hemm trasferiment minn kont tal-anzjana għal kont ieħor fuqha fis-somma ta’ €146,000. Minn minn wieħed minn dawn il-kontijiet kienu qed jinġibdu €600 kuljum mill-fergħa tal-HSBC taż-Żejtun.

Kien għalhekk li l-Branch, talab l-intervent tal-‘Investigation and Fraud Section” tal-bank, għaliex normalment f’każ ta’ prokura mogħtija minn anzjana jinġidbu flus għall-bżonnijiet ta’ kuljum u mhux f’dawk l-ammonti kbar li bdiet tiġbed in-neputija tagħha.

L-Impjegata tal-Bank qalet li mis-section tal-Frodi tal-Bank marru għand l-anzjana għaliex bdew jaraw li ma jagħmilx sens dak il-ġbid kollu ta’ flus kontanti. Marru biex jaraw jekk l-anzjana kinitx taf x’kien qed jiġri L-ewwel darba ma fethitilhomx u wara insistenza sar appuntament.

L-ufficjali sabu lill-anzjana fis-sodda u qaltilhom li ma tafx x’bilanċi fil-bank kellha u kull ma qaltilhom hu li għandha n-neputija tagħha qed tieħu ħsieb kollox, imma ma taf xejn u qaltilhom li n-neputija kollox taf u li għandha prokura.

Flus għar-restawr ta’ kampnar tal-Knisja

Tal-frodi kellmu wkoll lin-neputija tagħha u staqsewha għalfejn dawn it-tranżazzjonijiet kollha. Ix-xhud qalet li skont n-neputija, zijitha kienet qaltilha biex tiġbed dawn l-ammonti ghax z-zija kienet thobb tghin u taghmel karita, sahansitra kienet anke qed għin lill-Arcipriet jirrestawra xi kampnar tal-knisja.

Jirrizulta mill-process tal-Kawza pero li meta mitluba tipproduci xhieda jew dokumenti in sostenn, n-neputija ma gabet xejn.

Wara dan il-meeting, il-bank iddeċieda li jwaqqaf kull facilita ta’ internet banking u cards u l-kont gie blocked, ħlief ghall-pensjoni, li setgħet tinġibed biex l-anzjana tkun tista’ tgħix.

Uffiċjal ieħor mill-frodi tal-bank qal li l-anzjana kienet qaltilhom aħjar tkellmu lit-tifla, u meta kellmuha qaltilhom , “iz-zija tħobb tagħti ħafna donazzjonijiet, iżda l-ewwel qaltilhom li z-zija riedet tiġbed xi €10,000 għax riedet tagħmel xi xogħol id-dar li qatt ma sar, u qalet ukoll li riedet tagġħti donazzjonijiet lill-Arċipriet minħabba s-saqaf tal-Knisja u anke lid-Dar tal-Provvidenza.

Mill-provi rriżulta li b’bumbinazzjoni dak inhar stess li sar t-testment, il-psikjatra rrilaxxa ċertikat mediku li jgħid li l-anzjana kienet tajba biex tagħmel testment.

Sadanittant in-neputija qalet li ma tafx kemm ġibdet flus bl-eżatt u qalet ukoll li reġgħet poġġiethom lura l-bank, imma ma tafx kemm kien l-ammont li poġġiet lura. U kienet tiġbed skont kif kienet tgħidilha zijitiha. Mill-atti jirrizulta li kull ma kienet poggiet lura kien biss eur 10,000 filwaqt li zbankat mal-mitt elf ewro.

Il-membri tal-familja qalu li l-anzjana ma kinitx tipposedi l-fakultajiet mentali skont il-liġi sabiex tiddisponi liberament minn ħwejjiġha għal wara mewtha, b’mod li minħabba tali kundizzjoni ma setgħetx tapprezza dak li kienet qed tagħmel.

Il-Qorti semgħet diversi xhieda li jinkludu lil ħut l-anzjana u neputijiet oħra tagħha. Idiskrivew l-kondizzjoni tal-Anzjana u li tul hajjitha hija dejjem qalet li peress li ma kelliex tfal riedet li hutha jirtu ugwalment, l-gid konsiderevoli taghha.

Ħu l-anzjana qal li hu kien jieħu ħsieb l-affarijiet tagħha bħal tal-bank, income tax, pensjoni u ħwejjeġ oħra wara li miet żewġha sakemm kellha madwar 81 sena. Wara bdiet tieġħu ħsieb kollox in-neputija tagħha li sar il-każ kontriha. Huwa qal li fil-bidu tal-2014, il-mejta spiċċat bedridden u n-neputija tagħha bdiet issakkar il-bieb tad-dar tal-anzjana meta tmur ix-xogħol biex il-membri tal-familja ma jkollhomx aċċess għaliha, u dan sakemm huwa staqsa lill-anzjana jekk riditux jagħmel kopja taċ-ċavetta biex ikun jista’ jmur jaraha meta jrid, u din aċċettat mill-ewwel.

Ix-xhud qal li fl-aħħar xhur l-anzjana bdiet tinsa ħafna u tħawwad. Xi kultant kien imur iqatta xi ħin magħha, kienet tkun iċċassata. Darba qaltlu li kienet marret mara għandha u ħaditilha karta biex tiffimaha, iżda ma kinitx taf la min kienet din il-mara u lanqas kienet taf x’iffirmat. Wara sar jaf li oħtu kienet għamlet prokura f’isem waħda minn neputijiet.

Neputija minnhom ikkonfermat dak li qal zijuha u qalet li meta kienu xebbiet hi u n-neputija nkwistjoni kienu jgħinu liz-zija tagħhom, pero meta spiċċat fis-sodda, il-kuġina tagħha ma kinitx tkun trid lil ħaddieħor jieħu ħsiebha ħlief hi. Qalet li meta spiċċat bedridden ta’ spiss kienet titfixkilha ma’ ħutha u tgħajtilha b’isimhom. Kienet tirrepeti ħafna l-istess domanda bħal x’kienet sajret u wara terġa’ tistaqsiha l-istess.

Mietet waħidha

Ix-xhud qalet li zijitha mietet waħidha għax dak inhar il-kuġina tagħha kienet xogħol u għalhekk la kellha tabib u lanqas qassis biex jagħmlilha l-Griżma. Kien biss wara li l-kugina tagħha spiċċat mix-xogħol u marret lura d-dar li sabet liz-zija mejta.

Neputija oħra qalet li għall-ħabta tal-2013 indunat li zijitha bdiet tinsa u li l-fiżjoterapista li kienet tmur għand iz-zija, kienet semgħet tgħidilha li għandha bżonn ħafna għajnuna u biex ma jħalluhiex waħedha għax kellha bidu ta’ dimenzja.

Fiżikament dgħajfa u vulnerabbli

Il-fiżjoterapista qalet li kienet taf x’qed tgħid għax meta timxi z-zija kienet tinsa liema pass kellha tagħmel. Din kienet ordnatilha l-walking frame u comode biex ikunu viċin is-sodda. Ix-xhud qalet li ddispjaċieha kif kienet spiċċat zijitha, għadma u ġilda u kif kellha tmut, fuq sodda waħidha, ġo rokna ta’ kċina, mingħajr kumdità ta’ xejn, meta kellha dak il-ġid kollu.

Neputi ieħor qal li fl-aħħar xhud jiftakar li zitu bilkemm kienet titkellem u kien kważi l-ħin kollu tongħos. Missieru kienu jipprova jgħidilha xi ħaġa, iżda hi kienet biss tagħmel mossi b’rasha. Neputija oħra qalet li meta saret taf li zita spiċċat bedridden hi u oħtha marru jarawha u kienu sabuha mkebba f’rokna fis-sodda b’xagħarha kollu mqanfed u li z-zija kienet stqaitha għal ommha, meta din kienet ilha mejta xi erba’ snin.

Ħabiba tal-anzjana qalet li meta marret taraha ftit jiem qabel ma mietet indunat li kienet fi stat ħażin ħafna, fis-sodda u totalment dipendenti minn ħaddieħor u anke l-kapaċità metali tagħha kienet marret lura. Tant li lanqas biss kienet kellmitha u bdiet tħares fil-vojt.

In-neputija marret għand in-nutar biex zita tagħmel testment

In-nutar li għamlet it-testment qalet li n-neputija tagħha kienet marret l-uffiċċju tagħha fiż-Żejtun u qaltilha li z-zija xtaqet tagħmel testment. Ix-xhud qalet li peress li kellha ‘l fuq minn 80 sena, esiġiet li jkun hemm ċertifikat psikjatriku u tatha appuntament fit-tul biex tiħaq tieħu ċ-ċertifikat li fil-fatt ġie anness mat-testtment.

In-Nutar qalet li xi sitta jew seba’ xhur qabel l-anzjana qaltilha li tixtieq tagħmel testment li fih tħalli bħala werrieta tagħha lin-neputija tagħha – “dik biss kienet ix-xewqa tagħha” għaliex qalet li kienet iddur biha.

“Ma qalitx irrid nelimina lil xi ħadd għal xi raġuni….qalet biss li din kienet ix-xewqa tagħha”. Dan kien ikkonfermat miż-żewġ xhieda tat-tesment, nutara oħra u żewġha. Din qalet li meta ratha osservat li kienet qed tifhem x’inhu jiġri. In-nutar li għamlet it-testment qalet li deheret li ma kellhiex diffikulta tikkommunika magħha anke jekk ma tantx kienet mobile, imma dan ma jfissirx li mentalment ma setgħetx tagħmel testment. Deheret li fehemet kollox bħal isem missierha, kunjoma xebba. Hija mxiet ukoll maċ-ċertifikat psikjatriku.

Il-psikjatra qal li ċċertikfika lil mara ġurnata qabel sar it-tesment u qal li dehret tajba u fehmet id-domandi li sarulha u li anke fehemet is-sinifikat tat-tesment, dan iżda skont ma jgħid iċ-ċertifkat li huwa għamel, għax meta xehed fil-Qorti ftit li xejn ftakar peress li kienu għaddew sentejn u ma żammx notamenti tal-eżami kliniċi li għamel lill-anzjana.

Id-decizjoni tal-Qorti

Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li minkejja li l-psikjatra ċċertifika li l-anzjana kienet kapaċi li tagħmel testment, meta xehed fil-Qorti ma ftakar xejn għax għadda ż-żmien u ma kienx żamm notamenti.

Fuq il-pedana tax-xhieda ma qal xejn u ma kienx jaf tafx tieħu ħsieb ħwejjiġha u jekk kellhiex idea x’qed jiġri minn flusha. Rigward in-neputija tagħha fdata bil-prokura taghħa ma kinnix qed tieħu ħsieb ħwejjeġ l-anzjana, bl-iżbank ta’ eluf kbar ta’ ewro mill-konijiet tagħha mingħajr ebda spjagazzjoni konvinċenti, meta l-iskop tal-prokura suppost kien biex issarfilha l-pensjoni.

Ħadet vantaġġ u abbużat mill-vulnerabilità tagħha billi ppruvat kemm setgħet tiżolha mill-bqija tal-familja tagħha biex din issir aktar dipendenti fuqha, ħallieta kkalzrata f’sodda flok ħadet ħsieb il-kura xierqa tagħha, u l-bank beda jinvestiga it-tranżazzjonijiet suspettużi tagħha, għaddiet għall-‘plan’ B fejn tiżgura li l-anzjana tħallilha l-ġid kollu bit-tesment.

Meta mistqosija mill-taqsima tal-frodi tal-bank ma tatx tweġibiet konvinċenti, bir-risposti tagħha jkunu kontradittorji. Lanqas ħaġa li kellha tagħmel kien li tissostaznja l-allegazzjonijiet tagħha li z-zija kienet tagħmel donazzjonijiet lill-Arċipriet taċ-Żejtun għat-tiswija ta’ xi kampnar jew saqaf tal-knisja jew li ttella lill-Arċipriet jew lid-Direttur tad-Dar tal-Provvidenza, xi ħaġa li naqset milli tagħmel.

Il-Qorti qalet li l-anzjana ma kinitx kapaċi tagħmel tesment fit-13 ta’ Mejju 2014 ghax l-istat taghha irendiha vulnerabbli sabiex tifhem il-portata ta’ dak li kienet qed taghmel.

Il-Qorti ordnat lin-neputija tagħha biex fi żmien 15-il ġurnata tagħti lura lill-ħut l-anzjana u n-neputijiet l-oħra kollha sehemhom mill-assi ereditarji kollha, kemm mobbli kif ukoll immobbli, li huma propjetà tal-anzjana.