Lokali

‘Eddie – Is-Sewwa Jirbaħ Żgur’ ippreżentat lill-President George Vella

Il-ktieb ‘Eddie – Is-Sewwa Jirbaħ Żgur’ kien ppreżentat lill-President ta’ Malta George Vella mill-awtur Dione Borg fi preżentazzjoni fil-Palazz Presidenzjal ta’ San Anton.

Waqt il-preżentazzjoni tal-ktieb il-President George Vella tkellem dwar il-kontribut tal-politiċi lejn il-pajjiż u r-rikonoxximent li dawn għandu għandu jkollhom.

L-awtur Dione Borg tratta l-kontenut tal-ktieb, l-avvenimenti politiċi li huma inklużi fil-ktieb u l-mod kif il-ktieb hu mibni fuq l-istorja politika ta’ Eddie Fenech Adami fir-riformi li dan wettaq fil-politika.

Il-ktieb ‘Eddie – Is-Sewwa Jirbaħ Żgur’ jiffoka fuq il-ħajja politika ta’ Eddie Fenech Adami u jinkludi wkoll il-perspettivi ta’ politiċi u personalitajiet ewlenin li ħadmu ma’ Eddie Fenech Adami kemm fil-PN kif ukoll fil-perjodu li Eddie Fenech Adami kien Prim Ministru u President ta’ Malta.

Il-ktieb ta’ 570 paġna jinkludi numru kbir ta’ ritratti u dokumenti, fosthom notamenti ta’ ħames diskorsi importanti ta’ Eddie Fenech Adami; liema notamenti kitibhom Eddie Fenech Adami nnifsu.

Għal din il-preżentazzjoni attenda wkoll Oliver Gatt, direttur tal-kumpanija BDL, li ppubblikat il-ktieb.