Raġel ta’ 53 sena imwieled l-Awstralja u residenti n-Naxxar ġie ikkundannat erba’ xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar wara mill-Maġistrat Nadine Lia wara li nstab ħati li ħalef falz quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Huwa iżda ma nstabx ħati li ppreżenta lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku sentenza ta’ annullament falza biex seta’ jerġa’ jiżżewweġ u li għaldaqstant kien miżżewweġ żewġ nisa fl-istess żmien u kkommetta att ta’ bigamija.
Ir-raġuni li ma nstabx ħati ta’ din l-akkuża hija li l-każ tiegħu kien spiċċa preskritt, każ li jmur lura għal aktar minn 20 sena. Huwa kien tressaq il-Qorti f’Novembru tal-2017 u akkużat li f’Awwissu ta’ 20 sena ilu iffalsifika sentenza tal-Qorti, biex fl-istess sena, seta’ jiżżewweġ mara oħra meta kien għadu miżżewweġ oħra. Huwa kien ikkonsma l-ewwel żwieġ f’Lulju tal-1991. Isem ir-raġel mhux qed jissemma biex jiġu protetti ż-żewġ nisa u uliedu.
Il-Pulizija bdiet tinvestiga s-sentenza tal-annullament fuq talba tad-Direttur Ġenerali tal-Qorti wara li nnotata li din setgħet kienet falza, kif fil-fatt kienet. Madankollu r-raġel xehed li kollox kien ġenwin u li kien ħallas Lm3,000 lill-Avukat Edward Vassallo.
Aktar investigazzjoni minn naħa tal-Pulizija wasslet biex anke isem dan l-avukat kien ukoll wieħed fittizju. Għaldaqstant kien tressaq fil-Qorti u fil-kumpilazzjoni fost diversi xhieda kien hemm l-eks Prim Imħallef Noel Arrigo li ċaħad li kien hu li ta s-sentenza anke jekk ismu kien jidher fuqha. Fil-fatt meta saru l-verifiki dwar dan fil-Qorti ma nstabx xejn.
L-ewwel mara tal-akkużat kienet ukoll xhud importanti f’dawn il-proċeduri. Hija qalet li kien ġieha suspett wara li marret iġġedded il-passaport u qalulha li kunjoma kien mibdul għal ta’ meta kienet xebba wara li ż-żwieġ tagħha ġie annullat.
Meta qrat is-sentenza hi mill-ewwel skopriet li kien hemm fatti u dettalji li mhux minnhom u meta kellmet avukat irriżulta li annullament qatt ma kien hemm. It-tieni mara u dik attwali tal-akkużat qalet li ma kinitx involuta fil-proċeduri ta’ żewġha b’rabta mal-ewwel żwieġ. Qalet li huwa kien jgħidilha li ż-żwieġ li kellu ma ġiex ikkunsmat għax l-eks mara tiegħu kienet miġbuda lejn persuni l-istess sess.
Ir-raġel qal li huwa mar f’uffiċċju legali u tkellem ma’l-Avukat Edward Vassallo u wara xi żmien dan bagħat għalih u tah is-sentenza biex jirreġistraha l-insinwa. Huwa ċaħad li kien hu li ffalsifika s-sentenza u sostna li jekk kien hemm xi ħaġa mhux regulari, kien jaħti l-avukat tiegħu għax ħalla kollox f’idejh.
Wara li semgħet il-provi l-Maġistrat Nadine Lia qalet li ma setgħetx issib lir-raġel ħati li kien miżżewweġ żewġ nisa fl-istess żmien għax il-każ kien preskritt skont il-liġi. Madankollu sabitu ħati li fl-14 ta’ April 2016, xehed b’mod falz quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
Il-Maġistrat Lia qalet li meta semgħet il-fatti tal-każ ma kellha l-ebda dubju li l-akkużat ma kienx qed jgħid il-verità quddiem il-Qorti meta sostna li ma kien jaf xejn dwar is-sentenza tal-annullament u meta baqa’ jsemmi lill-Avukat Vassallo li rriżulta li ma jeżistix.
Il-Qorti wkoll qalet ukoll mhuwiex minnu li l-akkużat ma kienx jaf bis-sentenza u bl-ittra li ntbagħtet lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku peress li l-espert kaligrafu ddikjara li l-kaligrafija fil-firem ta’ dawn id-dokumenti u dawk tal-akkużat jaqblu.
Il-Maġistrat Lia qieset li l-kondotta tal-akkużat mhix waħda raffrettarja, anke jekk kien instab ħati darbtejn ta’ reati simili. Hija kkunsidrat ukoll il-fatt li llum għadu miżżewweġ lit-tieni mara u għandhom it-tfal. Minbarra s-sentenza ta’ ħabs sospiża hija ordnatlu jħallas €1,139 għall-ispejjeż tal-periti mqabbda f’dan il-każ . Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna.
//= $special ?>