Il-Prim Ministru Robert Abela ma marx il-parlament biex fil-ħin tal-mistqosijiet parlamentari jwieġeb dwar id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri, inkluż tiegħu, li ppreżenta hu stess.
Fil-ħin tal-mistoqsijiet l-Oppożizzjoni għamlet numru ta’ mistoqsijiet lill-gvern dwar dawn id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri iżda minkejja li kien jaf li jrid iwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet, il-Prim Ministru ma marx il-parlament u minfloku kien hemm il-Whip Laburista Andy Ellul li ma wieġeb ebda mistoqsija tad-deputati Nazzjonalisti.
Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal li xtaq li l-Prim Ministru kien fil-parlament biex iwieġeb dwar kemm kien il-qligħ li għamel mill-kiri tal-propjetà tiegħu liċ-ċittadini Russu u sostna li dan in-nuqqas qed jissettja eżempju ħażin meta l-Prim Ministru nnifsu jaħbi d-dħul tiegħu u ma jinkludihx fid-dikjarazzjoni tiegħu.
Il-Whip Laburista Andy Ellul qal li din il-mistoqsija hi out of order u ma weġibhiex.
Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li l-ministri huma obbligati bil-Kodiċi ta’ Etika li jikkoreġu l-iżbalji li jkun hemm fid-dikjarazzjonijiet tal-assi. Hu qal li l-Prim Ministru ppreżenta d-dikjarazzjoni tal-assi u jirriżulta li kien hemm xi żbajli għalhekk għandu jispeċifika jekk hux se jimxi mal-Kodiċi ta’ Etika li jpoġġi responsabbilta fuq il-Prim Ministru biex ikun hemm korrezzjoni. Hemm membri fil-Kabinet li ddikjaraw li m’għandhom xejn u ma ddikjaraw xejn; din hi informazzjoni skorretta, sostna Fenech Adami.
Il-Whip Laburista reġa’ qal li l-mistoqsija hi out of order u żied li ma jieħux parir mingħand Beppe Fenech Adami dwar kif iwieġeb.
Id-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut qal li skont id-dikjarazzjonijiet tal-ass tal-ministri, hawn ministri bla dar u li ma qalgħux ċenteżmu. Għahekk hu staqsa jekk kien hemm xi membru tal-kabinet li applika għal xi akkomodazzjoni soċjali u jew għal xi benefiċċju soċjali.
Il-Whip Laburista reġa’ ma weġibx din il-mistoqsija, bl-Ispeaker jintervjeni u jsostni li kien hu li ordna lill-Whip Laburista biex ma jweġibx għaliex il-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut ma kinitx konformi mal-mod kif isiru l-mistqosijiet parlamentari.
//= $special ?>