Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Jikkuntestaw ir-rwol tal-Prinċpijiet Andrew u Harry

Il-House of Lords ta’ Londra qed jikkuntesta r-rwol tal-Prinċpijiet Andrew u Harry li jippermetti biex huma jirrappreżentaw lir-Re Charles waqt l-avvenimenti uffiċjali fi żmien meta Charles jista’ ikun indipost. Andrew u Harry huma tnejn minn fost ħames ‘Kunsillieri tal-Istat’ li jistgħu jidħlu għad-doveri u impenji kostituzzjonali f’sitwazzjoni fejn ir-Re jista’ ikun marid jew imsiefer.

Il-House of Lords hi l-Kamra ta’ Fuq tal-Parlament magħmul mill-membri – jew peers – li mhumiex eletti mill-poplu u, l-istess bħall-House of Commons, qed jiltaqa’ fil-Palazz ta’ Westminster f’Londra.

Sadanittant, wieħed mill-membri,Viscount Stansgate, ikkuntesta l-istatus tal-prinċpijiet meta Andrew mgħadux involut fil-funzjonijiet irjali, b’Harry ilu x-xhur jgħix fl-Istati Uniti wara li ma riedx jibqa’ iġorr aktar responsabbiltajiet fi ħdan il-Familja Rjali.

Membri oħra tal-House of Lords qalu wkoll li wasal iż-żmien għal emenda lill-arranġament biex il-prinċpijiet jirrappreżentaw lir-Re Charles u li minflok, ir-responsabbiltà taqa’ fuq ‘il-membri tal-Familja Rjali li huma kontinwment involuti fid-doveri pubbliċi’.

Madankollu ma jidhirx li deċiżjoni dwar dan tista’ tkun imminenti u meta l-Familja Rjali Britannika teħtieġ li tkun ikkonsultata dwar kwalunkwe bidla.