Il-Prim Ministru Britanniku ġdid, Rishi Sunak, beda jmexxi l-amministrazzjoni f’Londra fejn minn issa ‘il quddiem irid jindirizza l-istat tal-ekonomija; is-sitwazzjoni tat-taxxi flimkien mal-pjani għat-tnaqqis fl-infiq pubbliku tal-Gvern.
U waqt li Sunak spiċċa diġà taħt pressjoni biex isejjaħ elezzjoni ġenerali bikrija, l-Oppożizzjoni mmexxija mill-Kap Laburista Sir Keir Starmer beħsiebha tisfrutta kull nuqqas tal-Kabinett ġdid li fost oħrajn jinkludi l-uħuh antiki li kienu protagonisti fil-Gvern tal-PM preċedenti Boris Johnson.
Fost dawn hemm il-veteran Michael Gove li hu responabbli mill-Housing waqt li Dominic Raab qed jerġa’ jieħu postu bħala Viċi-Prim Ministru. Dan waqt li l-Kabinett ta’ Sunak qed jinkludi deputati mid-diversi faxxex tal-Partit Konservattiv li fil-preżent sejjer ħażin ħafna fl-istħarriġ tal-opinjoni.
Rishi Sunak u Keir Starmer, issa, kellhom l-ewwel konfront dirett u sinifikanti fil-House of Commons, b’tal-ewwel jinsisti li se jirrispetta l-impenji elenkati fil-manifest tal-2019 li bih il-Partit Konservattiv kiseb rebħa kbira fl-elezzjoni ġenerali.
Sunak, intant, ammetta li l-partit tiegħu fil-Gvern wettaq diversi żbalji iżda enfasizza li d-differenza bejnu u Starmer tibbaża fuq l-onestà u r-rieda tal-Gvern li jżomm lill-poplu aġġornat bl-iżviluppi.
Il-Prim Ministru kompla li l-Gvern jeħtieġ jieħu d-deċiżjonijiet diffiċli għar-restawr tal-istabbilità u li l-amministrazzjoni tiegħu dejjem se tipproteġi lill-aktar setturi vulnerabbli tas-soċjetà bħalma kien il-każ waqt ix-xhur tal-Covid. Hu żied li l-inflazzjoni hi l-għadu tal-pajjiż u li se jagħti priorità lill-miżuri li jindirizzawha b’mod speċifiku.
Min-naħa tiegħu, Starmer qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ b’seba’ għajnejn biex tara li Sunak jipproteġi tassew liċ-ċittadini vulnerabbli. Hu, fost oħrajn, akkuża lit-Tories b’li ‘daħħlu l-ekonomija għal ġol-ħajt’ u li ħaddieħors irid iħallas għall-ħafna deċiżjonijiet żbaljati tal-Gvern fl-aħħar xhur.. Hu ħeġġeġ biex il-Prim Ministru jaqbel pubblikament li l-ħaddiema ma jerfgħux dan il-piż u li se jidħlu għal din ir-responsabbiltà l-entitajiet li jifilħu l-aktar.
Sadanittant, il-Gvern ta’ Sunak ippospona d-dikjarazzjoni dwar il-pjan biex jissodaw il-finanzi tar-Renju Unit sas-17 ta’ Ottubru. U fl-aħħar sigħat, il-Kanċillier tal-Finanzi, Jeremy Hunt, li żamm l-istess dekasteru li kellu taħt l-eks Prim Ministru Liz Truss, fisser il-posponiment bħala pass prudenti waqt li qal li d-dikjarazzjoni għandha tieħu l-forma ta’ Autumn Statement iddettaljat.
Fi żviluppi oħra, l-Oppożizzjoni qed tikkuntesta l-ħatra mill-ġdid ta’ Suella Braverman bħala Ministru tal-Intern, sitt ijiem biss wara li hi kienet irriżenjat fi żmien meta l-pajjiż kien immexxi minn Liz Truss. Ir-riżenja saret wara li Braverman kienet żvelat informazzjoni jew data klassifikata mingħajr intenzjoni.
Intant, Keir Starmer ma tilifx iż-żmien biex jitfa’ pressjoni fuq Sunak dwar il-ħatra ta’ Braverman – bil-Prim Ministru jammetti li hi kienet ‘żbaljat’ fl-aġir tagħha iżda kien xieraq li Braverman tingħata opportunità oħra biex tkompli bħala Home Secretary wara r-riżultati li kisbet f’dan ir-rwol.
//= $special ?>

