Lokali Qorti

Jammetti li ta kenn lil martu b’rabta ma’ żbark illegali ta’ immigranti f’Settembru li għadda f’Delimara

Sirjan ta’ 26 sena ammetta li ta l-kenn lil mara tiegħu li daħlet Malta b’mod illegali u dan’ b’rabta ma’ l-iżbark ta’ immigranti f’Settembru li għadda f’Delimara. Ir-raġel ilu Malta erba’ snin filwaqt li l-mara tiegħu applikat għall-ażil. Fil-Qorti ħareġ li kienet il-mara stess tas-Sirjan li marret tagħmel rapport lill-Pulizija dwar il-mod kif kienet daħlet Malta u hawn ġie arrestat żewġha li mill-ewwel ikkopera mal-Pulizija fejn fil-fatt l-istess prosekuzzjoni ma kienitx għat-titlob għall-piena karċerarja effettiva.

Huwa ġie kundannat sena ħabs sospiża għall-perjodu ta’ sentejn. Dan l-iżbark kien seħħ bejn 13 u l-14 ta’ Settembru li għadda fejn diversi persuni kienu ġew arrestati wara li kienet daħlet dgħajsa b’mod illegali f’Malta fejn fiha kien hemm 35 persuna ta’ diversi nazzjonalitajiet fosthom mis-Sirja, Bangladesh u l-Pakistan.

Il-Pulizija kienet arrestat diversi persuni b’rabta ma’ dan il-każ fosthom ukoll Maltin u li wħud minnhom tressqu l-Qorti. Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras fuq talba tal-prosekuzzjoni ordnat biex isem l-akkużat ma jissemmiex minħabba li għadhom għaddejjin l-investigazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ fejn potenzjalment jistgħu jitresqu aktar persuni b’rabta ma’ dan l-iżbark. L-Ispettur Karl Roberts ressaq lis-Sirjan filwaqt li għalih deher l-Avukat Noel Bianco.