Rebekah Borg, PN
Id-deputat Nazzjonalista Rebekah Borg qalet fil-parlament li jeħtieġ li l-bdiewa jsalvaw iżda r-riformi tal-gvern mhux se se jsalvawhom.
Rebekah Borg qalet li l-liġi dwar ir-raba hi meħtieġa għax tindirizza waħda mill-problema speċifikata mill-Qorti Kostituzzjonali sentejn ilu u sostniet li l-problemi nqalgħu fl-aħħar snin propju minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tar-raba’.
Id-deputat Nazzjonalista kompliet li r-riforma ma saritx b’mod ġenerali u qalet li l-emendi fil-liġi tal-qbiela jridu jkunu parti sostanzjali mir-riforma fil-qasam tar-raba’. Għalhekk il-konsultazzjoni għandha tkun waħda iktar miftuħa u effettiva, qalet id-deputat Nazzjonalista, li kkritikat il-fatt li r-riforma ma kinitx waħda kompleta.
Rebekah Borg kompliet li l-gvern missu ħa azzjoni qabel għaliex il-bdiewa huma inkwetati minn kemm ilhom jgħolew il-prezzijiet tar-raba’.
Hi sostniet li hu diffiċli biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tal-kirja għaliex l-applikazzjonijiet ma jkunux aċċettati għalkemm hemm ċirkostanzi partikolari bħall-bini tal-propjetà.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li hemm ċertu nies tal-qalba li għalihom jingħawġu r-regoli; il-liġi ma tgħidx kemm tista’tiżdied il-kirja u lanqas tobbliga lill-bord iżid il-kirja.
Il-protezzjoni għandha tibqa’ kif inhi għall-art agrikola, sostniet Rebekah Borg, li kompliet li l-liġi ma tippermettix li s-sid jieħu l-art tiegħu. Hi trattat il-prezzijiet enormi li qed jintalbu għall-art agrikola iżda l-bdiewa mhux ilaħħqu mal-kirjiet ta’ bħalissa.
Kif se jħares il-gvern lejn is-sostenibbiltà tal-ikel u tal-bdiewa? staqsiet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-liġi ma tispeċifikax kif se jintlaħaq il-bilanċ bejn is-sidien tal-art u l-kerrej.
Dwar il-kirjiet ġusti, hi qalet li jista jkun hemm kawżi oħra kostituzzjonali minħabba nuqqas ta’ proporzjonalità. Il-liġi ma tispeċifikax x’inhu t-test tal-mezzi. Il-bdiewa mhux se jsalvaw għaliex din il-liġi mhix tagħti l-protezzjoni meħtieġa.
L-akbar problema hi l-valur tal-art, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li appellat biex il-bdiewa żgħar ikunu protetti. X’se jsir mill-każi pendenti meta tgħaddi din il-liġi? staqsiet id-deputat Nazzjonalista. Huma l-bdiewa ġenwini biss li għandhom jingħataw l-opportunità li jaħdmu r-raba’ agrikola, sostniet Rebekah Borg.
Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-bdiewa huma ambaxxaturi ambjentali u għalhekk għadhom ikunu protetti.
//= $special ?>