Basketball Sport

Kampjonat Mapfre MSV Life Nisa: Starlites FIJO jegħlbu liċ-champions

Colin Schembri

Starlites FIJO 71             

Caffè Moak Luxol 69

(16-22)(16-18)(21-6)(18-23)

Basket minn Amelia Simmons fl-aħħar erba’ sekondi ta’ partita mill-isbaħ ta r-rebħa lil Starlites FIJO kontra c-champions Caffè Moak Luxol 71-69. Starlites kellhom nieqsa lil Maria Bonett fil-waqt li Luxol kienu mingħajr Mandi Mercieca però rkupraw lil Anna Fenech Pace. Kienu diversi l-players li spikkaw f’din il-partita bill-Messikana tal-Luxol Gladiana Avila tispiċċa l-partita bi 38 punt. Għal Starlites, minbarra l-25 punt ta’ Simmons kien hemm Steffi De Martino u Andie Saliba li bejniethom qasmu 30 punt. Kienu Starlites li ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 8-4 bil-punti ta’ Simmons bil-Luxol jirrispondu bi break ta’ 13-0 maqsum bejn Avila, Fenech Pace u Josephine Diaby biex marru 17-8 minn fuq. De Martino waqqfitilhom din ir-run bi trippla flimkien ma’ basket ta’ Christina Curmi però kienu Luxol li temmew l-ewwel taqsima minn fuq 22-16. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu, l-vjola reġgħu kabbru l-vantaġġ wara trippla u basket minn Avila bi Starlites jirrispondu għal darb’oħra permezz ta’ De Martino u trippla ta’ Simmons. Saliba bi trippla bdied break qasir ta’ 7-2 minn Starlites li wassalhom sa’ 3 punti ‘l bogħod iżda seba’ punti oħra minn Avila raw lil Luxol jidħlu jistrieħu 40-32 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, kien hemm erba’ punti fuq kull naħa qabel ma Starlites kellhom mument mill-aqwa bi break ta’ 15-0 bi tlett trippli wara xulxin minn De Martino, Saliba u Curmi flimkien mal-punti ta’ Simmons u marru sebgħa minn fuq 51-44. Sa’ tmiem is-sessjoni Starlites baqgħu fuq quddiem 56-46 hekk kif Luxol kellhom biss free-throws f’din it-taqsima. Il-bidu tal-aħħar perjodu reġa’ kien f’idejn Luxol li fetħu tajjeb permezz ta’ Avila u Diaby flimkien ma’ Cristina Sollami u qalbu l-iskor favur tagħhom 61-60. Hawn iż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin u hekk kif basket ta’ Paula Ellul poġġa lil Luxol fuq quddiem huma dehru resqin lejn ir-rebħa. Il-coach ta’ Starlites Charles Bonnici għajjat time-out u l-ballun wasal għand Simmons li waħedha taħt il-basket ma kelliex diffikulta tikkonkludi biex Starlites ħadu rebħa drammatika fuq skor ta’ 71-69.

Starlites FIJO: M. Zammit Cordina 4, M. Riolo 5, A. Saliba 14, S. Farrugia, M. Sciberras, S. De Martino 16, M. Fenech, A. Simmons 25, C. Cilia, K. Mifsud, S. Davies, C. Curmi 7.

Caffè Moak Luxol: C. Sollami 1, V. Selvaggi, L. Fenech Pace, H. Galea, G. Avila 38, K. Portelli, P. Ellul 6, M. Camilleri, J. Diaby 18, A. Fenech Pace 5.

Referees: Ivica Simic, Ionut Ciurariu, Vladimir Nikolic

.

ARMS Depiro 72              

Fusion Quest 29

(24-7)(18-6)(13-7)(17-9)

ARMS Depiro fetħu l-impenji tagħhom fil-kampjonat b’rebħa fuq Fusion Quest 72-29. Fusion qiegħdin isibuha bi tqila fid-debutt tagħhom fil-basketball femminili però wieħed irid jgħid ukoll li għal din il-partita kellhom diversi players neqsin. Il-coach ta’ Depiro Fathi Dedelioglu utiliżża l-players kollha tul il-partita fostom żgħażagħ li kienu fl-ewwel dehra tagħhom hekk kif kienet nieqsa Claire Ciantar. L-Awstraljana Casey Jo Samuels approfittat mid-difiża laxka ta’ Fusion hekk kif għamlet total ta’ 33 punt. Kienu Fusion li għamlu l-ewwel punti tal-partita bi trippla ta’ Adriana Caballero però Depiro kellhom risposta qawwija b’21 punt fosthom trippla u diversi punti oħra ta’ Samuels flmkien ma’ Nicole Agius u Julia Borg għal skor ta’ 24-7. Fusion fetħu t-tieni perjodu b’żewġ baskets oħra din id-darba minn Milica Stefanovic u Natalija Pejcic. Depiro wieġbu bil-punti ta’ Leanne Duncan u Julianne Magri u għalqu s-sessjoni bi trippla ta’ Agius għal skor ta’ 42-13.

Wara l-intervall l-andament tal-partita baqa’ l-istess b’diversi sostituzzjonijiet minn Dedelioglu hekk kif Depiro kellhom fost l-oħrajn run ta’ 10-0 minn Julia Xerri u Samuels biex ħadu vantaġġ ta’ 35 punt 55-20. Fl-aħħar sessjoni l-partita kienet deċiża u għal xi ħin Fusion bdew jirrispondu għal punti ta’ Depiro li però ma kellhomx diffikulta joħorġu rebbieħa fuq skor finali ta’ 72-29.

Depiro: N. Agius 14, J. Xerri 6, J. Mallia 6, L. Duncan 6, N. Hili, C. Samuels 33, J. Borg 4, M. Micallef, C. Fenech, L. Camilleri 2, J. Magri 4, E. Cassar 3.

Fusion Meridianbet: D. Debono, M. Mancilevic 2, M. Stefanovic 9, D. Apostolovska 2, E. Amorin, A. Caballero 7, Z. Milidrajanovic 4, N. Pejcic 5.

Referees: Nicky Azzopardi, Fiorentina Ciurariu, Fanni Fabok