Grupp ta’ demokratiċi tax-xellug fil-Kungress ta’ Washington irtiraw ittra li sejħet għal ‘ftehim innegozjat’ mar-Russja lejn it-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna.
Il-grupp – jew Progressive Caucus – qal li l-messaġġ fl-ittra kien qed jinftihem bħala appoġġ lill-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni li mhux jidher ħerqan li l-Istati Uniti tibqa’ tibgħat għajnuna lill-Ukreni biex jiddefendu ruħhom kontra l-invażjoni tar-Russja. Qed jingħad, issa, li l-ittra kienet tfasslet xi xhur ilu u li din ħarġet mingħajr ma ħadd evalwa sew il-kontenut tagħha.
L-ittra qed tqajjem kontroversja kbira qabel l-elezzjonijiet mid-term – jew ta’ nofs il-leġislatura – li se jsiru fl-Istati Uniti matul ix-xahar id-dieħel. Dan wara li l-ittra lill-White House kienet żvelata pubblikament nhar it-Tnejn u wara li din, f’Ġunju, kienet iffirmata minn 30 membru tal-Partit Demokratiku (fil-Gvern) fil-Kamra tar-Rappreżentanti.
Il-messaġġ biex l-Istati Uniti tinnegozja direttament mar-Russja qed titqies bħala impenn intiż biex jddistabbilizza lill-Gvern tal-President Amerikan Joe Biden u wara li l-amminsitrazzjoni insistiet li Moska mhix interessata fid-diplomazija. Il-White House qed jgħid li d-diplomazija hi biss possibbli meta n-naħat kollha huma disposti għal negozjati u li żgur li mhux il-każ fir-rigward tar-Russja.
Fil-fatt, il-membri Demokratiċi tal-Kungress ikkundannaw l-ittra bħala ‘appell lil kriminal tal-gwerra li qed jitlef il-konflitt fl-Ukrajna’ – b’referenza għall-President Russu, Vladimir Putin. Huma komplew li l-Istati Uniti teħtieġ tibqa’ tappoġġja lill-Ukrajna biex taċċerta li l-poplu jista’ jgħix fil-libertà waqt li jippersisti fit-triq tad-demokrazija.
//= $special ?>

