Sport Waterpolo

Meta nħares fejn kont sena ilu, niftakar kemm ma kinitx faċli – Jake Tanti jirbaħ il-Plejer tas-Sena tal-ASA

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Il-gowlkiper ta’ San Ġiljan Jake Tanti ġie magħżul bħala l-Plejer tas-Sena tal-ASA għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu. Tanti li għandu 24 sena, spikka b’mod partikolari fit-tieni parti tal-Kampjonat tas-Sajf u kien wieħed mill-pedini importanti biex San Ġiljan rebħu l-Kampjonat Premier tas-Sajf u n-Knock-Out.

“Onestament, anqas stajt nemmen għal bidu. Kont kuntent ħafna li kważi qabżitli demgħa, għax meta nħares lura u nqis fejn kont sena ilu u kemm kelli naħdem biex wasalt għal fejn qiegħed illum, niftakar kemm verament ma kinitx faċli, kemm fiżikament iżda iktar mentalment,” qal Jake Tanti f’kumment ma’ dan is-sit.

Tanti ddedika dan l-unur lill-familja tiegħu, il-kumitat, il-kowċis u dawk li jiffurmaw parti mill-klabb ta’ San Ġiljan iżda l-iktar lil sħabu fit-tim li fi kliemu “mingħajrhom żgur dan l-unur ma kienx ikun possibbli.”

Din hi t-tielet sena konsekuttiva li plejer ta’ San Ġiljan rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena wara Ben Plumpton, b’tal-aħħar jirbaħ fl-aħħar sentejn. Tanti sar il-ħames plejer fl-istorja li rebaħ dan l-unur meta kien jilgħab mal-Ġiljaniżi wara Kurt Dowling, Mario Zammit, Matthew Zammit u Ben Plumpton.

Iktar minn hekk, Jake Tanti hu l-ħames gowlkiper fl-istorja li rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-ASA. Hu mexa fuq il-passi ta’ Michael Soler, Joe Caruana Dingli, Adrian Cachia u Josie Cachia li kollha rebħu l-unur fil-passat.

Il-plejer ta’ Sliema Dino Zammit ikklassifika fit-tieni post. Fl-Ewwel Diviżjoni, Jake Ciantar, li dan is-sajf lagħab ma’ Marsaskala, rebaħ il-Plejer tas-Sena ta’ din id-diviżjoni segwit minn plejer ieħor ta’ Marsaskala David Pace Lupi. Il-plejer ta’ Sirens Kaia Agius rebħet l-unur tal-Plejer tas-Sena fil-waterpolo tan-nisa, bil-veterana ta’ Sliema Francesca Paolella spiċċat fit-tieni post.

L-aħħar għaxar rebbieħa tal-Plejer tas-Sena tal-ASA

2022 – Jake Tanti (San Ġiljan)

2021 – Ben Plumpton (San Ġiljan)

2020 – Ben Plumpton (San Ġiljan)

2019 – Jerome Gabarretta (Sliema)

2018 – Jordan Camilleri (Neptunes)

2017 – Stevie Camilleri (Neptunes)

2016 – Stevie Camilleri (Neptunes)

2015 – Stevie Camilleri (Neptunes)

2014 – Matthew Zammit (San Ġiljan)

2013 – Stevie Camilleri (Neptunes)