Lokali Qorti

Raġel akkużat li spara fuq residenza jiġi lliberat fuq bażi ta’ ġenn

Raġel li s-sena l-oħra kien akkużat li spara fuq il-bieb ta’ resident fiż-Żejtun, inħeles minn responsabbiltà kriminali fuq bażi ta’ genn. Kienu nqalgħu dubji dwar l-istat mentali tal-akkużat fuq serje ta’ inċidenti spissi mhux ipprovokati li rriżultaw f’għadd ta’ akkużi kriminali kontra r-raġel ta’ 41 sena, li wieġeb mhux ħati meta tressaq il-Qorti f’Awwissu tal-2021.

Il-vittma allegata tiegħu għamel rapport fil-5 ta’ Awwissu, fejn qal li l-bieb ta’ barra tiegħu kien saritlu ħsara. Il-pannell tal-ħġieġ tal-bieb spiċċa imfarrak u toqba fil-bieb dehret li kienet ikkawżata minn tir minn arma tan-nar. Sussegwentement, filmati tas-CCTV wrew li vettura kienet waqfet barra d-dar għall-ħabta tas-2.15am, bil-hazard lights tagħha jteptpy.

Ġie sparat tir fid-direzzjoni tad-dar u mbagħad l-aggressur saq. Il-vettura ġiet identifikata u investigaturi segwew lil sidha, l-akkużat. Tfittxija fil-karozza wasslet għal skartoċċ ta’ shotgun użat fuq in-naħa tal-passiġġier, filwaqt li arma u skrataċ simili ġew elevati waqt tfittxija fid-dar tas-suspettat.

Xi ġimgħat qabel, l-istess vittma kien irrapporta li l-Alfa Romeo tiegħu kienet saritlu ħsara u li ammont ta’ birra kienet spiċċat mal-faċċata tad-dar kollha. Tlett ijiem wara, fil-21 ta’ Lulju, ir-raġel irrapporta kif minuti qabel, kien qed jiċċajta maz-zija tal-akkużat meta l-istess akkużat resaq, heddu li se joqtlu.

Qal ukoll lill-pulizija li ftit jiem qabel, kien skopra żewġ katnazzi mkissrin fuq grada li twassal għal propjetà oħra li kellu. Is-suspetti tal-vittma waqgħu fuq l-imputat li meta tkellem mill-pulizija, ma ċaħadx għal kollox iżda pprova jikkalma il-kwistjoni, u qal li qatt ma kellu problemi ma’ ħaddieħor.

Il-vittma stess xehed fil-proċeduri u waqt seduta f’Lulju, iddikjara fil-Qorti li ħafer lill-akkużat. Il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia osservat li peress li l-allegati inċidenti seħħew wara xulxin u ma kinux provokati, il-Qorti kienet moralment konvinta li l-ħsara fil-karozza, il-grada u l-katnazzi tal-vittma kienet ikkawżata mill-akkużat.

Tul il-proċedimenti, l-akkużat kien baqa’ f’kustodja preventiva u taħt il-kura ta’ psikjatra fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Tressqet evidenza li turi li l-akkużat kellu storja ta’ problemi mentali u ta’ ġestjoni tar-rabja. Huwa kien iddaħħal l-Isptar Monte Carmeli minħabba abbuż mill-alkoħol u sustanzi oħra. Imma baqa’ jiċħad li għandu dawn il-problemi u naqas milli jindirizzahom minkejja li ġie offrut l-għajnuna.

Fid-dawl ta’ dawn il-provi, il-qorti stess qajmet il-kwistjoni tal-ġenn u ħatret psikjatra biex jeżamina lill-akkużat sabiex jiġi determinat jekk kienx mentalment tal-ġenn fil-ħin li wettaq l-allegati reati. Wara li semgħet lill-psikjatra personali tal-akkużat kif ukoll lill-espert maħtur mill-qorti, il-qorti kkonkludiet li r-raġel x’aktarx kien psikotiku fil-ħin tal-inċidenti.

Tabilħaqq, huwa kien sofra psikożi għal snin u l-kundizzjoni kienet possibilment relatata jew aggravata minn abbuż ta’ sustanzi. Uffiċjal tal-probation li tkellem mal-akkużat wara li kien serva żmien il-ħabs fuq każ separat, qal ukoll lill-Qorti li madwar dak iż-żmien, l-akkużat kien sostna li kien qed “jisma’ l-vuċijiet.”

Dan kien ftit xhur qabel l-inċidenti taż-Żejtun. Meta tqies kollox, il-Qorti kkonkludiet li l-akkużat kien qed isofri minn ‘marda tal-moħħ’ li affettwat il-ħila tiegħu li jifhem u li jrid fil-ħin tar-reat. Konsegwentement, il-qorti ddikjaratu eżenti minn kull responsabbiltà kriminali u ordnat li jinżamm arrestat fl-Isptar Monte Karmeli skont il-liġi. Is-Supretendent Melvyn Camilleri mexxa l-prosekuzzjni. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri kienu l-avukati difensuri. L-Avukat Stefano Filletti deher bħala parte civile.