Lokali Qorti

Raġel deskritt mill-Qorti bħala każ soċjali jammetti li seraq karozza

Raġel bla xogħol minn Birkirkara ammetta l-akkużi relatati mas-serq ta’ karozza minn raħal twelidu stess x-xahar li għadda. L-Ispettur tal-Pulizija Ritienne Gauci ressqet il-Qorti lil Francois Micallef ta’ 38 sena quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras l-Erbgħa waranofsinhar, fejn akkużatu b’serq aggravat ta’ Peugeot 106 mill-parkeġġ ta’ Studio 7 li kien seħħ għall-ħabta tal-4am tad-19 ta’ Settembru.

Micallef, li deher fl-iżbarra b’driegħu tax-xellug fil-ġibs, ġie mixli wkoll li sar reċediv. Id-difiża qalet lill-qorti li dan kien “każ soċjali.” Fuq talba tal-avukat difensur Matthew Xuereb, l-avukat u l-ispettur tħallew jersqu lejn il-bank tal-maġistrat biex jiddiskutu l-każ.

L-ispettur qalet lill-Qorti li l-pulizija kienet investigat rapport dwar serq ta’ karozza mingħajr number plates minn parkeġġ f’Birkirkara. Filmati CCTV kienu wrew żewġt irġiel, li wieħed minnhom kien rikonoxxut bħala Tristan Farrugia Tedesco li diġà ġie mixli separatament dwar ir-reat.

Ir-raġel l-ieħor ġie identifikat bħala Micallef. L-Ispettur Gauci qalet lill-Qorti li l-pulizija kienet aġixxiet fuq rapport li wasal minn residenza fil-viċin li kien wassal għall-arrest tal-akkużat. Waqt li kkonferma d-dettalji tiegħu hekk kif bdiet il-kawża, Micallef qal lill-Qorti li ma kellux xogħol iżda qal li ġieli kien imur jgħin lil ħuh.

Huwa ammetta l-akkużi, u kkonferma l-ħtija tiegħu meta mistoqsi mill-qorti. Meta l-maġistrat wissietu li l-akkużi li ffaċċja kellhom sentenza potenzjali ta’ ħabs ta’ aktar minn tliet snin, l-akkużat għajjar lill-avukat tiegħu u tkellem miegħu fil-qosor, iżda fl-aħħar mill-aħħar ikkonferma l-ħtija tiegħu.

Fir-rigward tal-piena, il-maġistrat spjegat li l-akkużi eskludew sentenza sospiża, għalkemm possibilment tista’ tiġi imposta probation. Rapport tal-pre-sentencing kien ukoll possibbiltà, irrimarkat il-qorti. Id-difiża talbet li jsir rapport ta’ qabel is-sentenza u li r-raġel jingħata l-ħelsien mill-arrest sakemm jitlesta r-rapport.

Il-Maġistrat Galea Sciberras laqgħet it-talba, u wissiet lil Micallef li jekk l-uffiċjal tal-probation tiegħu jinforma lill-Qorti li ma kienx qed jikkopera magħha, hi kienet tibgħatu l-ħabs. “Jekk tkompli tikkummiedja, tmur il-ħabs,” qalu lir-raġel kemm l-avukat tiegħu kif ukoll il-qorti. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, fid-dawl tal-fatt li r-raġel kien diġà wieġeb ħati u ma setax ibagħbas fil-provi.

Il-Qorti tat struzzjonijiet lil omm ir-raġel, li kienet preżenti l-qorti u li magħha kien se joqgħod waqt li jkun fuq il-libertà proviżorja, biex tinforma lill-pulizija jekk jonqos milli josserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu. Ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest, li kien garantit b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000, minbarra l-kundizzjonijiet standard ta’ libertà proviżorja.