L-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete tinsab imħassba dwar dak li kien propost fid-diskors tal-Budget li tressaq it-Tnejn li għadda. Dan hekk kif ma kien hemm ebda assigurazzjoni jekk apparat li jintuża minn dawn il-persuni, hux se jibda jingħata b’xejn lil kull min ibati minn din il-kundizzjoni.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Clyde Caruana qal li persuni li huma dijabetiċi u li għandhom high blood sugar levels se jkunu monitored. Iżda b’dak li qal il-Ministru huwa inċert jekk l-apparat li jintuża minn dawn il-persuni, hux se jkun offrut lill-persuni li huma type 1 diabetes sa 35 sena, sal aħħar ta’ din is-sena u lill-persuni kollha sal-aħħar tas-sena d-dieħla… kif kien konfermat mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne iktar kmieni din is-sena.
L-apparat imsejjaħ Continious Glucose Device huwa neċessita kbira għal dawn il-persuni. Fl-istqarrija li ppubblikat l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete intqal li numru ta’ persuni qed isibuha diffiċli ferm biex ikunu jistgħu jixtru dan l-apparat hekk kif dan jiswa madwar 300 ewro fix-xahar.
L-Assoċjazzjoni tgħid li l-Gvern ma jistax ikompli jkaxkar saqajh milli jintroduċu is-CGM’s lill-persuni kollha li jbatu minn dijabete type 1 … irrelevanti kemm ikollhom età. Bħalissa, dawk biss li għandhom inqas minn 21 sena qed jibbenefikaw minn dan l-apparat.
L-Assoċjazzjoni, b’dispjaċir innutat li l-allokazzjoni ta’ fondi għall-Istrateġija Nazzjonali tad-Dijabete f’dan il-Budget tnaqqset. Saħqu li minħabba ż-żieda ta’ persuni dijabetiċi, Malta għandha żżid l-allokazzjoni finanzjajra tagħha għal dan is-settur u mhux jitnaqqas.
L-istqarrija tgħid li d-dijabete hija problema ta’ saħħa urġenti li ma tistax tiġi injorata. Għalhekk, l-Assoċjazzjoni tispera li l-Gvern verament jindirizza din il-problema sabiex ikun assigurat li s-saħħa u l-benesseri tal-persuni dijabetiċi ma tkunx kompromessa bl-ebda mod.
//= $special ?>