Lokali Parlament

Twanny Agius ħalla timbru pożittiv fuq dawk kollha li ltaqa’ magħhom

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Fit-tislima parlamentari lil Twanny Agius, missier id-deputat Nazzjonalista David Agius, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li Twanny Agius ħalla timbru pożittiv fuq dawk kollha li ltaqa’ magħhom.

F’din it-tislima tkellmu l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, id-Deputat prim Ministru Chris Fearne u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech. Preżenti fil-parlament kien hemm familjari ta’ Twanny Agius.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Gerch qal li Twanny Agius ħalla timbru sabiħ fuq dawk kollha li ltaqgħu miegħu; kien bniedem ta’ valuri, integru u entużjast. Kien jagħmel kollox b’entużjażmu kbir, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li Twanny kellu vlauri umani.

Id-deputati kollha jafu dan għaliex huma stess jiddikjaraw li Twanny ħalla impatt kbir fuqhom. Twanny Agius ħadem b’lealtà u impenn fis-silenzju; għal qalbu kellu l-lokalità tal-Imsida u ħabb ukoll lil Ħal Qormi.

Il-Kap tal-PN qal li Twanny Agius kien jemmen u jaħdem għal dak li jemmen fih u spjega kif Twanny Agius kellu sens kbir ta’ sportività u ġustizzja fl-isport. Għalhekk kien igawdi r-rispett ta’ kulħadd; sakemm saħħtu baqgħet ittih hu kompla jkun preżenti fl-isport u kien jemmen fl-inklużjoni.

L-Ispeaker qal li Twanny Agius kien jikkomunika l-valuri kollha tal-familja u kien jifraħ bil-persuni li kienu jkellmuh.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li Twanny Agius kien impenjat f’diversi għaqdiet fosthom kien il-President tal-Każin tal-Banda Melita tal-Imsida, kien player tal-football u referee, kien President tal-MAFA, kien membru tal-Kunsill tal-MFA u kien kunsillier f’Ħal Qormi. Twanny Agius għex sitt ħajjiet differenti u kellu l-familja tiegħu bħala prijorità, sostna l-Ministru Fearne.