Enerġija Lokali

Wara l-Università, il-Gvern jaqta’ l-flus għall-iskemi tal-enerġija

Wara li l-Gvern naqqas mal-miljun ewro mill-fondi tal-Universita, u wara li naqqas il-flus anke lill-Fondazzjoni Richmond, Net News jista’ jiżvela illi l-fondi tal-Energy Sufficiency Support għall-Industrija u skemi simili tnaqqsu b’miljun u tlett mitt elf ewro.

L-Erbgħa filgħodu Net News staqsa lill-Ministru tal-Enerġija u l-Ambjent, Miriam Dalli għal liema raġuni tnaqsu dawn il-fondi. Bil-Ministru l-ewwel tgħidilna li mhux il-każ iżda meta iffaċċjata bin-numri, saħqet li qed jimxu skont id-domanda.

Budget li suppost qed joffri ċertezza u stabbiltà. Iżda min-numri ppubblikati iswed fuq l-abjad, jidher li qed joffri wkoll baraxx ta’ kontradizzjonijiet.

Dan hekk kif fost l-oħrajn waqt li jisħaq li jrid ikompli jinvesti fil-kura psikjatrika… qata’ l-fondi lill-Fondazzjoni li ta’ kuljum tgħin tant nies bil-contact centre tagħha.

Budget li suppost joffri ċertezza, liema ċertezza għat-traffiku żgur ma teżistix. Għaliex f’kull ħin tal-ġurnata dan qed jifni liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

Dan il-kaos sħiħ fit-toroq tagħna sfortunatament qed jissarraf f’numri xejn sbieħ ta’ fatalitajiet hekk kif sal-25 ta’ Ottubru kienu 23-il persuni li tilfu ħajjithom f’inċidenti tat-traffiku.

Meta ċ-ċifri jiġu mqabbla mas-snin precedenti, jidher li dan se jkun l-ogħla ammont ta’ fatalitajiet f’temp ta’ 12-il xahar fl-aħħar 4 snin. Mistoqsija bħala membru tal-kabinett x’inhu jagħmel il-Gvern dwar soluzzjoni għat-traffiku la darba qed joffri lill-poplu ċ-ċertezza Miriam Dalli wieġbet biss billi qalet li l-Labour lest jilqa’ l-isfidi.