Edukazzjoni Lokali

Il-karba tal-ġenituri fis-Siġġiewi: “Agħtu lura s-sala lil uliedna”

Jekk jogħġobkom, agħtu lura s-sala tal-iskola lill-uliedna.

Huwa dan l-appell li qed isir mill- ġenituri li għandhom lill-uliedhom jattendu l-iskola primarja tal-Kulleġġ San Injazju fis-Siġġiewi – appell li għamlu lill-awtoritajiet, partikolarment dawk tas-Saħħa.

Dan hekk kif waqt ix-xhur qliel tal-pandemija tal-Covid-19 f’pajjiżna s-sala fil-binja tal-iskola fejn kienu jiġu organizzati diversi attivitajiet għall-istudenti kienet qed tintuża għal tagħmir mediku marbut mal-pandemija, apparat li għandu hemm, bi żgombru totali.

Huma saħqu li wara li uliedhom għamlu kważi sentejn ‘il bogħod min-normalità issa hemm bżonn li verament jaraw l-attivitajiet għaddejin bħal qabel, fosthom il-kunċert tal-Milied li jiġi organizzat f’din is-sala u li b’dan l-iżgombru, xahrejn bogħod mill-festi, kollox qed jindika li ma huwa se jsir xejn.

Il-ġenituri spjegaw li matul dan iż-żmien saħansitra saru xi ħsarat fis-sala u għaldaqstant lanqas m’huwa biżżejjed li jiżbarazzaw is-sala iżda huwa meħtieġ li tingħata lura fis-sura li kienet qabel.

Huma saħqu li uliedhom iridu lura n-normalità fl-iskola li tant kienu ilhom mixteqin għaliha.

Huma appellaw lill-awtoritajiet sabiex it-tagħmir jitneħħa immedjatament mill-iskola u jitqiegħdu f’postijiet aktar adegwati, u talbu biex din is-sala tingħata lura lill-istudenti.