Sport

Ibburdjar: NMYD 54 Teasing Machine huwa r-rebbieħ tar-Rolex Middle Sea Race

Fl-erba’ ta’ wara nofsinhar tal-bieraħ tħabbar li r-rebbieħ tat-43 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race kien il-jott Franciż NMYD 54 Teasing Machine misjuq minn Eric De Turckheim.

Ir-Royal Malta Yacht Club ikkonferma li ma fadal l-ebda jottijiet li għadhom qed itellqu, li jistgħu jtejjbu l-ħin korrett ta’ Teasing Machine. De Turckheim kien emozzjonat meta tħabbar li rebaħ ir-Rolex Middle Sea Race . Huwa qal li kienet l-ewwel rebħa f’ tellieqa 600 mil nawtiku, minkejja li kiseb diversi podji madwar id-dinja. Għal Turckheim, ċertament din hija t-tellieqa favorita tiegħu ta’ 600mil nawtiku minħabba l-kumplessità tal-korsa u tal-irjieħ li huma sinonimi magħha. Skont hu li għandu passjoni għat-tlielaq tas-600nm, ir-Rolex Middle Sea Race qisha maratona, taħlita li wieħed jkun kompetittiv 24 siegħa wara 24 siegħa, u li jkollok ir-reżistenza u l-ħidma bħala tim.

Għaliħ din kienet is-seba’ tellieqa ma’ dan l-ekwipaġġ u l-esperjenza tgħodd ħafna. Ekwipaġġ Teasing Machine: Eric De Turckheim, Laurent Pages, Christian Ponthieu, Quentin Le Nabour, Tony Brochet, Gabriele Olivo, Betrand Castelnerac, Paco Lepoutre, Aleandre Degrival, Jerome Teillet, Quentin Bouchacourt . Eric de Turckheim, li hu Rear Commodore tar-Royal Ocean Racing Club huwa bniedem irrispettat fid-dinja tal-ibburdjar. Rebbieħ tal-klassi u t-tielet fil-klassifika ġenerali fl-2017, segwit bit-tieni fil-klassi fl-2019, it-tielet fil-klassi fl-2020, u t-tieni fil-klassi fl-2021.

Teasing Machine huwa r-raba’ jott Franċiż li rebaħ ir-Rolex Middle Sea Race wara s-successi ta’ Antares (1981), Spirit of Ad Hoc (2008) u Courrier Recommandé (2018).