Lokali

Il-GWU tiddikjara tilwima industrijali fil-konfront tal-Awtorità tal-Artijiet

Il-GWU iddikjarat tilwima industrijali fil-konfront tal-Awtorità tal-Artijiet minħabba kunflitt li nqala’ bejn il-membri tal-GWU fuq il-post tax-xogħol tagħhom hekk kif qed iħossuhom mhux trattati b’mod ġust u ugwali.

Fi stqarrija l-GWU qalu li d-diżgwid inqala’ minħabba li kien hemm ħaddiema jagħmlu l-istess dmirijiet li kellhom l-istess grad. Madankollu ħaddiema minnhom li applikat għal grad ogħla u ngħatat il-grad baqgħet tagħmel l-istess dmirijiet li kienet tagħmel. Din is-sitwazzjoni fixklet l-armonija fuq il-post tax-xogħol u ħafna mill-membri tal-GWU ma ħassewhomx trattati b’mod ġust anke minħabba li hemm salarji diversi bejn kull grad.

Il-GWU qalet li t-tmexxija tal-Awtorità tal-Artijiet qed toħloq kunflitt mal-Ftehim Kollettiv attwali minħabba li hemm ħaddiema fi gradi differenti li qed iwettqu l-istess xogħol u s-sitwazzjoni qed toħloq kunflitt fost il-membri tagħha.

Għalhekk it-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi fi ħdan il-GWU ddikjarat tilwima industrijali u talbet laqgħa ta’ medjazzjoni mad-DIER biex tiġi riżolta din il-kwistjoni.