Jerome Caruana Cilia, PN
Id-deputat Nazzjonalista Jerome Caruana Cilia appella fil-parlament biex jingħata s-sostenn u l-appoġġ kollu li hemm bżonn lill-bdiewa.
Jerome Caruana Cilia qal li l-ġimgħa l-oħra attenda laqgħa mal-bdiewa fis-Siġġiewi li għaliha attendew bosta bdiewa mis-Siġġiewi, imma wkoll minn Ħal Qormi, Ħal Luqa, iż-Żurrieq u żoni oħra fil-madwar.
Caruana Cilia sostna li kellu l-opportunitá li jisma’ direttament l-isfidi li huma qed jiffaċċjaw. Il-bdiewa jgħaddu minn sfidi u tbatijiet kbar biex jaħdmu r-raba’ u b’hekk jaqilgħu l-għajxien tagħhom fejn il-bidwi l-iktar li jbati u l-inqas li jaqla’.
Caruana Cilia qal kif minbarra l-elementi tan-natura, il-bdiewa jiffaċċjaw sfidi kbar u ħafna drabi jħossu li l-Gvern abbandunhom. Mhux ta’ b’xejn li ħafna żgħażagħ qegħdin jaqtgħu qalbhom li jidħlu għal dan il-mestier.
Id-deputat Nazzjonalista Caruana Cilia qal li bdiewa żgħażagħ qed jaħsubha jieqfux u jsibu xogħol ieħor għax hemm wisq spejjeż, dejjem jiżdiedu; il-qligħ dejjem jonqos.
Jerome Caruana Cilia spjega kif ċertu materjal u prodotti li jintużaw per eżempju bħala sustanzi bħas-sulfat, saru jiswew iktar mid-doppju u kważi t-tripplu matul l-aħħar tlett snin. Iż-żrieragħ minn barra, il-bexx, il-makkinarju, id-demel ta’ barra, kollox għola sew. Caruana Cilia qal dak li jgħidulu l-bdiewa “kemm nistgħu ngħollu l-prezz tal-biegħa?!”
Filwaqt li l-abbużi jridu jinqatgħu, tkun tassew ħasra jekk b’xi mod nipperikolaw ix-xogħol li jagħmlu l-bdiewa sostna Caruana Cilia, li kompla meta tibda tifli dan l-abbozz, minnufih iqumu mistoqsijiet dwar kif eżattament se jinħadem il-valur ta’ art agrikola għax dan jiddetermina l-kera u liema art ser tkun ikkunsidrata bħala art argikola u liema le.
Jerome Caruana Cilia tkellem ukoll dwar l-għajnuna finanzjarja li tista’ tingħata lill-bdiewa u fuq kollox għandu jkompli jiġi studjat biex flimkien ma għajnuniet li diġà jeżistu, jingħataw aktar għajnuniet permezz ta’ fondi nazzjonali.
Caruana Cilia appella lil dawk kollha f’awtorità biex l-aħħar żona ta’ raba’ saqwi fi Triq Tal-Bajjada, f’Ħal Qormi u l-madwar ma tinqeridx. F’din iż-żona, li hi diġà mgħobbija b’elementi industrijali, il-biċċa raba’ ta’ madwar sitt itmiem li fadal hi l-unika pulmun li fadal fl-inħawi.
Caruana Cilia sostna li l-bidwi li jaħdem din l-għalqa jagħmel dan b’passjoni liema bħalha u jaħdem din l-art agrikola, raba’ saqwi, b’dedikazzjoni liema bħalha u meta tisimgħu jitkellem dwar ir-raba’ u x-xogħol tiegħu, tħares f’għajnejh u tara li qed jitkellem mill-qalb u b’ġenwinità.
Caruana Cilia sostna li mhux biss għandna nsalvaw dan l-uniku pulmun illi fadal f’din iż-żona f’Ħal Qormi, imma irridu nassiguraw li nagħtu s-sostenn u l-appoġġ kollu li hemm bżonn ħalli ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-bidwi.