Ir-Royal Malta Yacht Club se tkun qed tfittex it-tielet propjetà minn fejn topera wara li l-Qorti tal-Appell f’kawża finali tagħta xahrejn ċans biex tbattal parti mill-binja tagħha fil-lido ta’ Ta’ Xbiex, li jospita skola tat-tbaħħir għat-tfal u t-tellieqa Rolex Middlesea Race.
Il-Qorti tal-appell preseduta mill-Imħallfin Giannino Caruana Demajo, Tonio Mallia u Anthony Ellul iddikarat li r-RMYC m’għandu l-ebda dritt għall-proprjetà. Iż-żona, magħrufa bħala l-lido, ingħatat lill-club minn Gvern Nazzjonalista fl-2009 wara li s-sena ta’ qabel kienet esproprjata mill-Malta Playing Fields Association.
Konxju tal-importanza li r-Royal Malta Yacht Club għandha fil-pajjiż bl-organiżazzjoni tagħha hija meqjusa waħda professjonali anke minn clubs barranin, il-Gvern ta’ dak iż-żmien mill-ewwel ra kif għamel biex l-RMYC ma tispiċċax lampa stampa.
Dik l-esproprjazzjoni ġiet ikkonfermata bħala illegali mill-qrati, li jfisser li l-RMYC m’għandha l-ebda titolu legali għall-bini. Il-qorti tal-appell ordnat lill-club biex iħalli ż-żona fi żmien xahrejn. Fl-2009 il-club kien għadda minn esperjenza simili meta kellu jħalli l-propjetà li kien qed jokkupa f’Manoel Island.
Dan minħabba xogħlijiet ta’ restawr fuq il-Forti Manoel, u għalhekk kellhom jiċċaqilqu u l-Kunsill Malti għall-Isport kien offrelhom l-uffiċċji battala li qabel kienu okkupati mill-Awtorità Marittima ta’ Malta fil-Marina ta’ Ta’ Xbiex. Eventwalment kien mikri mill-KMS lill-RMYC għall-perjodu 49 sena.
Dak iż-żmien il-RMYC wara ftit ħassitha sodisfatta li marret Ta’Xbiex. F’mossa li ma kinitx mistennija tkun daqshekk ta’ benefiċċju għall-Club, il-bini l-ġdid mhux biss kien aktar komdu minn kull aspett, iżda wkoll ħafna aktar spazjuż u f’temp ta’ disa’ xhur, is-sħubija fil-club żdiedet b’mod konsiderevoli – minn madwar 400 għal 650.
Minkejja li l-kirja kienet għall-perjodu ta’ 49 sena, l-Malta Playing Fields Association ikkontestat il-validità tal-ordni ta’ esproprjazzjoni u rebħet il-kawża tagħha fil-Qorti f’Ottubru 2015 meta ddeċidiet li l-esproprjazzjoni ma kinitx meħtieġa fl-interess pubbliku. Minkejja li sar appell minn naħa ta’ RMYC, dan intilef biex b’hekk il-futur tal-industrija tas-sailing f’Malta reġgħet intefgħet f’inċertezza kbira.
Saga fil-Qrati
Fit-30 ta’ Ottubru 2015, il-Qorti Kostituzzjonali kinet ikkonfermat deċiżjoni tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, tal-15 ta’ Lulju 2014, fejn iddikjarat li l-esproprjazzjoni ta’ biċċa art misjuba fi Triq ix-Xatt, Ta’ Xbiex, okkupata mir-Royal Malta Yacht Club, saret bi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif protetti taħt l-artikolu 37 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Prim’Awla konsegwentement ordnat li l-esproprjazzjoni tkun nulla u bla effett. Mis-snin ħamsin, l-art f’Ta’ Xbiex kienet okkupata fuq termini ta’ encroachment mill-Malta Playing Fields Association, u fl-2002, il-Kummissarju tal-Artijiet (illum l-Awtorità tal-Artijiet), ta l-art lill-istess Assoċjazzjoni b’enfitewsi temporanja għal perjodu ta’ 49 sena.
Sena wara, fl-2003, il-Malta Playing Fields Association applikat mal-MEPA biex tingħata permess li għandu x’jaqsam mat-twaqqigħ tal-bini dilapidat eżistenti u l-bini ta’ skola tas-sailing b’faċilitajiet ta’ catering assoċjati fosthom estensjoni ta’ terrazzin, liema permess ingħata f’ 2006.
F’dik is-sena, l-Assoċjazzjoni kisbet ukoll liċenzja biex tmexxi l-iskola u l-istabbiliment tal-catering fuq l-istess art. Aktar tard, fl-2008, l-utile dominium (xi ħadd li m’għandux titlu ta’ l-art) kien esproprjat b’dikjarazzjoni tal-President, ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern, fuq talba ta’ SportMalta.
Fuq evidenza miġjuba quddiem il-Qorti, l-imsemmi Kunsill (SportMalta) talab l-esproprjazzjoni tal-art għax kien tal-fehma li l-istess art kienet se tintuża aħjar mir-Royal Malta Yacht Club. Ladarba l-Kummissarju tal-Artijiet esproprja l-art, ir-responsabbiltà tal-art imbagħad għaddiet f’idejn il-Kunsill SportMalta u fl-2009, il-Kunsill ta l-art rispettiva flimkien ma’ biċċa art oħra biswit, lir-Royal Malta Yacht Club b’enfitewsi temporanja għal żmien. perjodu ta’ 49 sena.
Il-kwistjoni ċara li b’hekk qamet kienet li wara li l-Malta Playing Fields Association, bħala NGO bla skop ta’ qligħ, kienet kisbet l-art inkwistjoni b’titlu ta’ enfitewsi temporanja, u kienet applikat mal-MEPA u akkwistat il-permessi meħtieġa biex tiżviluppa skola tas-sailing , l-istess art ingħatat sussegwentement lir-Royal Malta Yacht Club. Issa sa Diċembru li ġej ir-RMYC se tispiċċa bla sar, sakemm ma jintervjeniex il-Gvern.
//= $special ?>