Lokali

Jittella’ katavru mill-baħar f’Għawdex

Ritratt: NET Media

Traġedja f’Għawdex – is-sejba ta’ katavru, x’aktarx ta’ mara – sejba li qed tkun investigata mill-Pulizija.

Fil-11.15am il-Pulizija ġew imsejħa biex jassistu lil xi persuni wara li ntlemaħ ġisem ta’ persuna fil-baħar fl-inħawi ta’ Marsalforn.

Il-Pulizija flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta marru fuq il-post u rnexxielhom ittellgħu l-ġisem bla ħajja fuq id-dgħajsa, fejn il-katavru ttella’ fuq l-art fix-Xatt tal-Imġarr.

Minn investigazzjonijiet li saru, irriżulta li l-ġisem x’aktarx huwa ta’ mara però sa issa għadha mhux identifikata peress li l-ġisem instab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni.

Il-Maġistrat tal-Għassa Bridgitte Sultana ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li mistennija ssir awtopsja fuq il-katavru sabiex tiġi stabbilità l-kawża tal-mewt.