Scott Muscat huwa ċ-champion tad-dinja tal-pool tal-kategorija ta’ taħt il-25 sena. Fil-kampjonati tad-dinja tal-pool li saru f’Killarney, l-Irlanda. Fil-finali Muscat għeleb lil Luke Gilbert tal-Ingilterra bl-iskor ta’ 8-7. Iż-żewġ players kellhom prestazzjoni mill-aqwa u kien biss fl-aħħar frame li Muscat ħareġ rebbieħ. Dan kien it-tieni suċċess internazzjonali għal Muscat wara li fl-2018 rebaħ il-kampjonati Ewropej tal-kategorija ta’ taħt it-23 sena.
Il-Malta Pool Association kienet rapprezentata bi tliet timijiet f’ dawn il-kampjonati fejn it-tim ta’ taħt il-25 sena wasal sal finali tal-kategorija fejn tilef kontra l-Irlanda bl-iskor ta’ 5-2. It-tim Malti ta’ ‘l fuq minn 50 sena ukoll kellu riżultati pożittivi meta rnexxilu jasal sas-semi finali fejn kien eliminat mit-tim nazzjonali tal-Indja filwaqt li t-tim tal-Irġiel tilef fil-kwarti tal-finali kontra Franza.
Antione Aquilina u Ray Caruana waslu sal-finali tal-kompetizzjoni doubles ta’ l-fuq minn 50 sena filwaqt li Dejan Grech rebaħ l-unur tal-Player of the Tournament tal-kategorija Taħt il-25 sena. Gary Carr u Clayton Castaldi ġew magħżula fil-World Team 2022 magħmul mill-aħjar seba’ players matul il-kampjonati tat-timijiet.
