Niġġeddu b’viżjoni hija t-tema ta’ konferenza reġjonali li se tkun organizzata mis-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar nhar is-Sibt 29 ta’ Ottubru, 2022.
Din il-konferenza se tkun qed tlaqqa l-għaqdiet kollha relatati mal-festi fir-reġjun tat-Tramuntana kif ukoll miftuħa għal dawk interessati f’dan is-settur.
Lura f’Mejju l-istess soċjetà kienet organizzat seminar bl-istess tema, din id-darba kienu mistiedna l-membri tal-istess soċjetà. Fih kien ġie diskuss kwestjonarju li sar għall-ewwel darba fin-Naxxar relatat mal-volontarjat u l-festi. Permezz ta’ dan l-istħarriġ ħarġet stampa ċara tar-realtà f’dan is-settur fil-Belt tan-Naxxar, fejn fost dawk li rrispondew kienu 25% biss li qalu li jagħmlu xi tip ta’ xogħol volontarju, b’12% biss ta’ dawk li wieġbu li qatt m’għamlu volontarjat huma interessati li jibdew jinvolvu ruħhom.
Min-naħa l-oħra f’dan l-istħarriġ li sar minn Vincent Marmara ħareġ li 78% tar-residenti fin-Naxxar jattendu għall-festa ta’ Marija Bambina, bl-aktar ġurnata popolari tkun il-purċissjoni f’nhar il-Festa.
Din il-Konferenza qed tkun organizzata mis-Soċjetà Mużikali Peace tan-Naxxar, bl-appoġġ tar-Reġjun Tramuntana u l-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
//= $special ?>