Budget 2023 Edukazzjoni Lokali

L-għajnuna tal-Budget “mhux biżejjed” għall-istudenti

“Din iż-żieda fl-istipendju għalkemm hija tajba qatt mhi biżejjed sabiex l-istudenti jkomplu jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja.”

Hekk qalulna bosta studenti illi qasmu magħna ir-reazzjoni tagħhom rigward iż-żieda ta’ ewro fil-ġimgħa li se jkun hemm fl-istipendji tal-istudenti.

Uħud mill-istudenti qalu li dan il-budget ma ndirrizzax diversi aspetti tal-edukazzjoni, speċjalment wara l-fatt li ftit tax-xhur ilu dan il-Gvern qaċċat madwar miljun ewro mill-fondi tal-Universita’.

Bosta kienu dawk li esprimew kif fil-Budget deher biċ-ċar li l-Universita’ mhix waħda mill-prijoritajiet tal-Gvern. Barra minn hekk, fil-Budget ma ssemma l-ebda investiment għall-Universita’ ta’ Malta għas-sena li ġejja.

Intant, fi stqarrija, il-Kunsill Studenti Universiterji semma’ kif il-Budget ftit li xejn investa fiż-żgħażagħ bid-diskors tal-Ministru Caruana deskritt bħala reattiv, u li ma kienx wiehed li offra viżjoni.