Ir-Russja estendiet il-projbizzjoni kontroversjali kontra dak li qed issejjaħ “il-promozzjoni ta’ kultura favur persuni gay” – liġi li issa se taffetwa lill-adulti kollha.
Din il-projbizzjoni tinforza liġi stabbilita’ fl-2013. Il-liġi tiprojbixxi li wieħed jagħti informazzjoni lit-tfal fuq il-komunità LGBTQ+ u tindika li dan huwa att kriminali. Dan għaliex, skont l-awtoritajiet Russi, il-komunità LGBTQ+ tmur kontra l-familja tradizzjonali – b’hekk il-ksur ta’ din il-liġi se jitqies reat daqs il-promozzjoni tal-vjolenza, il-pornografija u r-razziżmu.
Din il-liġi se tiġi estiża ukoll għal-midja soċjali, reklami, films u kotba. U min jiksirha jista’ jeħel mhux biss multa, f’każ ta’ ċittadini Russi, iżda saħansitra deportazzjoni għall-barranin.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, uffiċjali Russi ħeġġew il-politiċi fil-Parlament biex jestendu din il-liġi, bi skuża li jridu jiddefendu “il-valuri taċ-ċiviltà”.
Din il-liġi għad trid tiġi approvata kemm mis-Senat kif ukoll mill-President Vladmir Putin.



