Il-Kampjonati Bank of Valletta tal-Basketball jibdew fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru, bi 12-il tim jikkompetu bejn il-Kampjonat BOV tal-Ewwel Diviżjoni u l-BOV Amateur League.
Paul Sultana, President tal-Malta Basketball Association u Stefan Abela, Manager, CSR fil-Bank of Valletta iltaqgħu mal-ġurnalisti fejn taw dettalji dwar dan l-istaġun. Fl-istess waqt ittellgħu ukoll il-poloz tal-kompetizzjonijiet BOV Knockout.
Il-President tal-Malta Basketball Association ikkumenta li qed ikun hemm interess akbar fil-logħba tal-Basketball, b’aktar timijiet jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet, speċjalment fil-kategoriji taż-żgħażagħ li jawgura tajjeb għall-futur tal-isport. Dan qed jirriżulta f’aktar ħin ta’ logħob, li mbagħad itejjeb il-prinċipji fundamentali tal-plejers, il-veloċità u l-livell tal-logħob.
Il-kompetizzjonijiet ta’ din is-sena se jservu ta’ vetrina għall-plejers lokali li qed jaħdmu bis-sħiħ biex jiksbu posthom fit-Tim Nazzjonali li se jirrappreżenta lil Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa MALTA2023. Stefan Abela enfasizza li l-appoġġ tal-BOV għall-attivitajiet sportivi f’Malta ġej mit-twemmin sod li l-isport huwa ta’ benefiċċju għas-saħħa fiżika u mentali bħala parti mill-impenji tal-istess BOV fis-socjetà.
//= $special ?>