Lokali

Robert Abela għandu jikkoreġi d-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu – PN

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li Robert Abela jikkoreġi d-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu għas-sena 2021 u ma jibqax jaħbi kemm kellu dħul mill-kiri ta’ propjetà lil ċittadini Russi. Bl-istess mod, il-Prim Ministru għandu jitlob lill-Ministri u lis-Segretarji Parlamentari tiegħu biex jikkoreġu d-dikjarazzjonijiet tal-assi tagħhom u jgħidu l-verità kollha.

Fi stqarrija, il-PN insista li ħadd mhu qed jemmen id-dikjarazzjonijiet li għamlu wħud mill-Ministri u Segretarji Parlamentari, li fihom qalu u kkonfermaw bil-firma tagħhom li ma kellhom l-ebda dħul matul is-sena 2021 jew li m’għandhom l-ebda propjetà immobbli jew investimenti.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li mhux aċċettabbli li l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, intenzjonalment, jagħmlu dikjarazzjonijiet foloz jew dikjarazzjonijiet mhux kompluti bl-għan li jċaħħdu lill-pubbliku u lill-ġurnalisti mid-dritt tagħhom li jżommu lil min jokkupa kariga pubblika taħt skrutinju u kontabbli għall-aġir tiegħu.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina fl-istqarrija fakkar li l-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, li hu parti mill-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika (Kap. 570 tal-Liġijiet ta’ Malta), jipprovdi li “Hekk kif Ministru jingħata l-kariga, għandu minnufih jagħti rendikont tal-assi u l-interessi tiegħu lis-Segretarju tal-Kabinett fuq il-formola relattiva. Għandu jiġi indikat ukoll lis-Segretarju tal-Kabinett kull interess li jista’ b’xi mod jagħti lok għal perċezzjoni ta’ konflitt ta’ interess jew konflitt ta’ interess reali. Dan ir-rendikont għandu jingħata kull sena bil-mod indikat minn żmien għal żmien.” (Paragrafu 7.3 tal-imsemmi Kodiċi ta’ Etika).

Għalhekk, dak li titlob il-Liġi hu ċar, espress u tassattiv. Dak li trid il-Liġi għandu jkun segwit mill-Prim Ministru, mill-Ministri u mis-Segretarji Parlamentari u jista’ jinbidel biss mill-Parlament. Jekk dan ma jseħħx, il-Prim Ministru jkun qed jikkonferma li kif qal eks Ministru tiegħu stess, f’pajjiżna teżisti liġi għall-allat u liġi oħra għall-annimali.