Lokali

Il-Ministru jgħid li “huwa ċar” li t-toroq mhux siguri għar-roti

Il-Ministru tat-toroq u traffiku Aaron Farrugia, li jgħid li juża r-rota sabiex jivvjaġġa minn post għall-ieħor ta’ sikwit, insista li t-toroq f’pajjiżna mhux siguri biex issuq ir-rota fihom.

Dan saħqu wara li kien mistoqsi minn Net News jekk jaħsibx li t-toroq, li huwa nnifsu responsabbli minnhom – u li ilhom taħt ir-responsabbilta ta’ Gvern tal-Labour kważi 10 snin – humiex siguri ghaċ-ċiklisti.

Iżda filwaqt li qalilna li għandhom pjan għal toroq aktar siguri….għal darb’oħra…ma qalilnix xi pjan hu.

Waqt il-konferenza li kien għadu kemm indirizza ftit qabel, il-Ministru ħabbar li qed jikkunsidraw li jiġu introdotti kameras tas-sigurtà mat-toroq bil-għan li l-karozzi tal-linja jkunu puntwali. Net News staqsa lill-Farrugia fejn bi ħsiebu jinstalla dawn il-kameras…bil-Ministru jisħaq li se jagħmilhom fost oħrajn fejn jipparkjaw tad-deliveries.

Matul id-diskors tal-budget għall-2023 li għamel it-Tnejn il-Ministru Clyde Caruana intqal illi biex jiġi evitat it-traffiku ta’ filgħodu qed jiġi kkunsidrat li ċertu servizzi ma jitħallewx joperaw qabel id-disgħa ta’ filgħodu.

Mistoqsi liem huma dawn is-servizzi, Aaron Farrugia qal li din għad trid tiġi diskussa.

Intant, wara li l-Gvern tal-Labour nefaq €420,000 biex preżenta l-idea tal-metro fi Pjazza Tritoni… wara li l-Ministru Farrugia qalilna li l-istudju mwettaq mill-kumpanija ARUP huwa doable, u wara li l-Prim Ministru Robert Abela qalilna li l-istudji biex jaraw il-proġett hux vjabbli għadhom għaddejjin…Net News staqsa lill-Ministru Aaron Farrugia kemm qed jiġu jiswew dawn l-istudji tal-metro, għaliex fl-estimi tal-budget ma kien hemm ebda ammont allokat għalihom.

U sakemm għaddej dan kollu, il-poplu għadu mwaħħal fit-traffiku – aktar minn 500miljun ewro li ntefqu fit-toroq tagħna..iżda soluzzjoni għall-vetturi li dejjem jiżdiedu għad m’hemmx. 65 karozza ġdida ilbierah, 65 vettura ġdida illum…u 65 oħra għada.

U 10 snin wara…l-Gvern tal-Labour għadu qed jiddiskuti.