Kultura Lokali

Is-Soċjetà Filarmonika Pinto fil-Belt tal-Vatikan

Nhar l-Erbgħa 26 ta’ Ottubru kienet data importanti għas-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan u li bla dubju se tkun waħda memorabbli, li ma tintesa’ qatt. Il-Banda flimkien ma’ membri tal-Kumitat u partitarji telgħu Ruma filwaqt li din is-sena qed jitfakkar il-160 sena mit-twaqqif tagħha. Il-Banda Pinto flimkien mal-partitarji ħadet sehem fl-Udjenza Ġenerali mal-Papa Franġisku li saret fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan.

Diversi marċi brijużi inkluż l-innu tal-papa, u l-innu popolari ta’ San Bastjan instemgħu jidwu f’din il-pjazza.

Waqt din l-udjenza, membri tal-kumitat flimkien mal-bandisti ltaqgħu mal-Papa li ġie ppreżentat b’rigali sbieħ mill-President tas-soċjetà, Charles Saliba, kif ukoll mis-Sindku ta’ Ħal Qormi, in-nutar Josef Masini Vento li f’isem il-Qriema u l-kunsilliera ppreżentalu kwadru sabiħ tal-pittur żagħżugħ Għawdxi Manwel Farrugia, b’żewġ pitturi mill-isbaħ ta’ San Ġorġ u San Bastjan.

It-Tnejn filgħaxija, il-banda Pinto niżlet fi ‘Piazza del Popolo’ fejn daqqet marċi matul diversi toroq f’Ruma li jagħtu għal Piazza di Spagna.

Il-banda daqqet ukoll waqt quddiesa organizzata apposta fil-Bażilika ta’ San Bastjan fil-Belt Eterna.