Gżira United vs Ħamrun Spartans | Il-Ħadd, fit-15:00 fit-Tony Bezzina Stadium
Fil-partita tal-ġimgħa bejn l-ewwel żewġ timjiet fil-klassifika, Gżira United jiltaqgħqu kontra l-leaders Ħamrun Spartans f’tentattiv li jagħtu l-ewwel telfa lit-tim immexxi minn Branko Nisevic u jnaqqsu d-distakk għal punt. Gżira se jkunu mingħajr il-midfielder Luis Riascos li fl-aħħar minuti tal-partita kontra Valletta tkeċċa meta wara li kien muri t-tieni karta safra. Għal Ħamrun mistenni jirritorna bejn il-lasti Henry Bonello filwaqt li għandu jkollhom għad-dispożizzjoni lill-midfielder Kroat Roko Prsa, li fl-aħħar logħba ma kienx mgħajjat minħabba li ma kienx fl-aħjar kundizzjoni fiżika. Punt ikun biżżejjed għal Ħamrun sabiex jikkonsolidaw posthom fil-quċċata iżda bla dubju li se jkunu qed ifittxu rebħa biex ikomplu jkabbru l-vantaġġ fuq il-Maroons.
Balzan vs Valletta | is-Sibt, fit-15:00 fis-Centenary Stadium
Fl-ewwel partita tas-Sibt fis-Centenary Stadium, Balzan u Valletta jisfidaw lil xulxin f’partita li għalkemm għal Balzan hija wkoll importanti, għal Valletta hija ferm aktar minħabba li jinsabu tliet punti biss ‘il bogħod mill-aħħar post tal-klassifika. Oliver Spiteri, kowċ ta’ Balzan għandu sospiż lill-midfielder Serb Ivan Bozovic bil-probabiltà hi li postu jieħdu wieħed minn Nikola Braunovic jew iż-żgħażugħ Benjamin Hili. Fl-aħħar żewġ partiti Balzan spiċċaw fi draw identiku ta’ 0-0 kontra Sirens u Floriana rispettivament. Valletta jinsabu f’qagħda mhux familjari wisq għalihom u għalhekk rebħa biss ittihom ftit tan-nifs għalkemm ma tbiddilx wisq fil-klassifika.
Birkirkara vs Mosta | is-Sibt, fit-15:00 fit-Tony Bezzina Stadium
Fl-istess ħin fit-Tony Bezzina Stadium Birkirkara jilagħbu kontra Mosta. Birkirkara għandhom sospiż lid-difensur Alessandro Coppola li kontra Marsaxlokk tkeċċa b’karta ħamra diretta u ġie sospiż erba’ logħbiet. It-telfa kontra Marsaxlokk kienet tfisser li l-Istripes mhux biss tilfu t-tieni post iżda issa jinsabu biss punt fuq Hibernians u tlieta fuq Gudja u Balzan li jinsabu l-ħames u s-sitt post rispettivament. Birkirkara se jkunu wkoll mingħajr il-kowċ Giovanni Tedesco li wkoll tkeċċa fl-istess partita. Mosta minn naħa tagħhom dan l-istaġun qed ikollhom prestazzjonijiet tajbin ħafna fejn fl-aħħar konfront minkejja li tilfu kontra Ħamrun ma kien ikunu serqu xejn kieku ħadu punt mill-partita. Mosta jinsabu f’nofs il-klassifika bi 11-il punt daqs Marsaxlokk.

Żebbuġ Rangers vs Floriana | is-Sibt, fil-17:30 fit-Tony Bezzina Stadium
Wara tmien partiti Żebbuġ rebħu biss darba f’dan l-istaġun fejn fl-aħħar partita sa tmiem l-ewwel taqsima dehru li jistgħu jiksbu t-tieni rebħa meta kienu qed igawdu vantaġġ ta’ 3-1 li iżda ma rnexxilhomx iżommu fit-tieni taqsima meta sofrew żewġ gowls biex spiċċaw fi draw ta’ 3-3 kontra Sirens. L-aktar plejer li d-difiża Furjaniża żgur li se jkunu attenti għalih huwa l-attakkant Awstraljan Lokoli Ngoy li qed juri li huwa fost l-aqwa barranin fil-Kampjonat Premier fejn s’issa skorja 6 gowls. Brian Spiteri se jkollu nieqes lill-captain Randall Vella li jinsab sospiż logħba. Il-Greens ilhom erba’ logħbiet bla ma jirbħu għalkemm fl-aħħar logħba kontra Balzan kienu sfortunati fejn laqtu l-lasta tliet darbiet u kellhom jikkuntentaw bi draw. Floriana, bħar-rivali Valletta jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli u huma wkoll għandhom bżonn punti massimi minn dan il-konfront sabiex minn tal-inqas iżommu posthom f’nofs il-klassifika u jibqgħu ‘il bogħod mill-aħħar postijiet.
Santa Lucia vs Sirens | is-Sibt, fil-17:30 fis-Centenary Stadium
Fl-aħħar logħba tal-Ħadd fis-Centenary Stadium Santa Lucia u Sirens jilagħbu kontra xulxin f’konfront ieħor minn naħa t’isfel tal-klassifika. Il-Yellows se jkunu qed jittamaw li r-rebħa li kisbu l-ġimgħa li għaddiet kontra Pietà, li kienet l-ewwel waħda tal-istaġun, tkun ta’ motivazzjoni għall-iskwadra ta’ Pablo Cortes Sanchez biex jerġgħu jiksbu tliet punti importanti li jkomplu jtellawhom bil-mod il-mod il-fuq fil-klassifika. Sirens, li issa huwa l-uniku tim li għadu qed ifittex l-ewwel rebħa iżda xorta għandu punt vantaġġ fuq Santa Lucia, bla dubju li wkoll se jkunu qed jinżlu għal rebħa speċjalment meta jafu li t-tliet konfronti ta’ wara huma daqxejn iebsin.
Gudja United vs Pietà Hotspurs | Il-Ħadd, fil-11:30 fis-Centenary Stadium
Fil-partita tal-Ħadd filgħodu, Gudja United se jkunu qed ifittxu li jirritornaw għar-rebħ wara tliet logħbiet ma jagħmlu dan meta jaffaċċjaw lil Pietà Hotspurs fis-Centenary Stadium. Gudja kellhom bidu mill-aqwa u kienu diġa qed jissemmew bħala t-tim sorpriża ta’ dan l-istaġun iżda mill-aħħar tliet konfronti kisbu biss punt. Huma se jkunu mingħajr James Arthur u Neil Micallef li t-tnejn jinsabu sospiżi logħba. Pietà Hotspurs damu biss ġimgħa mhux fl-aħħar post tal-klassifika hekk kif wara li kisbu rebħa ta’ 1-0 kontra Żebbuġ, fl-aħħar partita sofrew telfa ta’ 2-1 kontra Santa Lucia li niżlithom lura fejn kienu sa mill-bidu tal-istaġun. Kontra Gudja, Pietà għandhom bżonn prestazzjoni bħal ma’ kellhom kontra Żebbuġ biex forsi jieħdu xi ħaġa minn dan il-konfront.
Marsaxlokk vs Hibernians | Il-Ħadd, fil-17:30 fit-Tony Bezzina Stadium
Fl-aħħar nett il-partita li se tagħlaq id-disa’ ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier hija dik bejn Marsaxlokk u ċ-champions Hibernians. Marsaxlokk huwa wieħed mill-aktar timijiet li jinsab fil-forma bi tliet rebħiet u draw mill-aħħar erba’ partiti. Pablo Doffo se jkollu jilgħab mingħajr Juan Cruz Aguilar li fir-rebħa ta’ 1-0 kontra Birkirkara tkeċċa wara li kien muri t-tieni karta safra. Minkejja l-forma li jinsabu fiha, Marsaxlokk għandhom quddiemhom avversarju li wkoll jinsab fil-forma b’erba’ rebħiet konsekuttivi minn daqstant partiti. Hibernians jinsabu fir-raba’ post b’sittax-il punt, punt taħt Birkirkara u tnejn taħt Gżira United.
//= $special ?>