Lokali Turiżmu

“Ma nistgħux inħallu l-Air Malta tagħlaq” – Tony Zahra

“Ma jistax ikun inħallu l-linja nazzjonali tal-ajru tingħalaq”.

Dan huwa dak li qal il-President tal-MHRA, f’kummenti lil Net News meta saqsejnih dwar l-inċertezza fl-Air Malta, bil-Gvern naqas milli jikkonferma jekk il-linja nazzjonali tal-ajru, hux se tibqa’ magħna s-sena d-dieħla. Hu kien qed jikkummenta waqt il-preżentazzjoni tar-riżultati fit-turiżmu għat-tielet kwart tas-sena.

Meta f’Awwissu li għadda kien mistoqsi minn ġurnalisti dwar is-sitwazzjoni fil-linja nazzjonali ta’ pajjiżna, il-Ministru Clyde Caruana kien qal li xejn ma mar hazin.

U l-Gvern, sa ftit ilu, kien qed jgħid li l-kumpanija qed tagħmel profitt, għalkemm wara, l-istess Ministru qal illi għandu file sħiħ illi juri x’mar ħażin fl-AirMalta – kontradizzjoni assoluta.

Wara li fil-budget Clyde Caruana qisu tefa’ l-ħtija fuq il-Kummissjoni Ewropea u qal li m’hemmx baqar sagri, il-Prim Ministru lissen il-possibbilità li kapaċi joħloq ‘Air Malta 2’.

Intant, tkellimna wkoll ma’ Tony Zahra dwar ir-rapport  preżentat mid-ditta Deloitte, bil-President tal-MHRA jgħid li r-riżultati miksuba fit-turiżmu matul is-sajf mhumiex daqshekk ħżiena – iżda għadhom ma laħqux il-livelli ta’ qabel il-pandemija.