Lokali Qorti

Sirjan jammetti li uża passaport falz meta applika għal ażil

Raġel li kien arrestat waqt li kien qed jipprova japplika għall-ażil permezz ta’ passaport falz ma ngħatax sentenza ta’ ħabs effettiv u rċieva sentenza sospiża wara li ammetta l-akkużi kontrih. Mohamed al Zedan, żagħżugħ ta’ 20 sena li kien qed ifittex ażil mis-Sirja, tressaq il-Qorti taħt arrest quddiem il-maġistrat Ian Farrugia.

L-ispettur tal-pulizijaKarl Roberts akkuża lir-raġel b’reati relatati mal-pussess ta’ passaport li kien imbagħbas u li kien xjentement għamel użu minnu, li għamel dikjarazzjoni falza lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni u li rċieva passaport li ma kienx tiegħu.

Il-Qorti semgħet kif Al Zedan kien ġie arrestat fil-Floriana wara li uża d-dokument imbagħbas waqt li kien qed japplika għall-ażil. Al Zedan wieġeb ħati tal-akkużi. L-avukat difensur Noel Bianco qal li r-raġel qabel kien rema’ l-passaport reali tiegħu u kiseb dak falz wara li sar konxju li kien hemm bżonn biex japplika għall-ażil. Il-Qorti wara li kkunsidrat il-provi u l-argumenti, kif ukoll iċ-ċirkostanzi tal-każ, ikkundannat lir-raġel għal sentejn ħabs, sospiżi għal erba’ snin.