Dik li suppost kellha tkun dimostrazzjoni mdaqqsa fil-konfront ta’ Identity Malta rigward dewmien qawwi ta’ permessi tax-xogħol u residenza ta’ persuni barranin..spiċċat fi protesta ta’ vuċi waħda..mara Brittanika; għaliex fi kliemha stess, ħafna beżgħu milli jidhru.
Il-Ġimgħa filgħodu Patricia Graham, fundantriċi tal-għaqda volontarja, EU Nationals Advisory, saħqet ma’ Net News li persuni li jitqiesu bħala third-country nationals qed jibżgħu juru wiċċhom saħansitra quddiem il-cameras…minħabba biża’ li ssirilhom vendikazzjoni. Hija saħqet li dan kollu qed iġiegħel lil dawn il-persuni ifittxu toroq alternattivi.
Patricia Graham insistiet li d-dewmien qed ilaħħaq ix-xhur twal bil-konsegwenza li diversi ħaddiema…li jaħdmu f’diversi setturi fosthom tas-saħħa qed jispiċċaw jitkarrbu biex jinqdew wara numru ta’ snin jaħdmu Malta.
Graham spjegat li dan id-dewmien kollu ma jagħmel l-ebda sens jekk il-persuna tkun ilha taħdem f’pajjiżna filwaqt li fakkret li t-tiġdid tal-permess jiswa aktar minn €280.
Hija saħqet li l-maġġoranza ta’ dawn il-persuni spiċċaw iddejnu jew biegħu ħwejjiġhom biex ġew impurtati jaħdmu f’pajjiżna….u issa qiegħdin jitwaddbu ‘l barra.
Graham saħqet li s-sitwazzjoni hija waħda ddisprata fejn insistiet li hija stess qed tħeġġeġ lill-persuni barranin sabiex ma jiġux jaħdmu f’pajjiżna filwaqt li kkritikat bl-aħrax lill-Identity Malta.
Hija temmet tgħid li persuna li jkun għad fadlilha l-aħħar ftit flus…biex tinqeda, lesta tikkonsidra kollox.
//= $special ?>