Lokali Parlament

ID-DISKORS TA’ BERNARD GRECH: It-Tnejn xandira fuq Net TV li tibda fis-5:45pm

Fis-6:30pm tibda r-replika tal-Kap tal-Oppożizzjoni

Il-ġimgħa Parlamentari tiftaħ nhar it-Tnejn bid-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech illi jwassal ir-replika tiegħu għall-Budget preżentat mill-Gvern.

Dan id-diskors huwa tradizjonalment marbut mat-tweġiba li jagħti Kap tal-Oppożizzjoni għall-miżuri imħabbra mill-Ministru tal-Finanzi fil-Budget. Għalkemm ir-replika ta’ din is-sena jidher li se tkun qed twassal il-viżjoni li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista għal kwalità ta’ ħajja aħjar – tema li ġiet indirizzata f’diversi messaġġi li wassal Bernard Grech fl-aħħar ġimgħat u xhur.

Id-diskors ta’ Bernard Grech fil-Parlament se jitwassal dirett fuq Net TV u Net FM nhar it-Tnejn filgħaxija.

Qabel, jixxandar programm specjali li jibda għall-ħabta tas-5:45pm. Biex imbgħad fis-6:30pm tibda r-replika tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Eżatt wara dan id-diskors, jiġifieri għall-ħabta tat-8:30pm, jitwassal bulettin sħiħ tal-aħbarijiet. U wara jkomplu x-xandiriet speċjali bis-sehem ta’ diversi mistiedna fl-istudios u l-analizi tad-diskors li jkun ghadu kif wassal Bernard Grech.