Is-Sibt filgħodu tfakkret il-memorja tal-eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Ġorġ Borġ Olivier, illi miet 42 sena ilu.
Il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Borġ Olivier permezz ta’ tqegħid ta’ kuruna tal-fjuri mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, u minn uffiċjali tal-partit.
Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino kif ukoll mill-whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar.

Ġorġ Borġ Olivier twieled fil-Belt Valletta fil-5 ta’ Lulju tal-1911 u ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Liċeo u fl-Università Rjali ta’ Malta, minn fejn iggradwa bħala avukat.
Hu daħal fil-politika fl-1939, meta ġie elett fil-Kunsill tal-Gvern u fl-1947 kien elett fl-Assemblea Leġislattiva f’isem il-Partit Nazzjonalista. Fl-1950, Borg Olivier inħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista fl-età ta’ 39 sena, wara l-mewt ta’ Nerik Mizzi, tliet xhur biss wara li sar Prim Ministru.
Borg Olivier mexxa lil Malta għal żewġ perjodi differenti; mill-1950 sal-1955 u mill-1962 sal-1971 fejn għamel talba formali biex Malta ssir indipendenti u għamel din il-kisba tant importanti għal pajjiżna, li immarkat il-futur tal-ġenerazzjonijiet kollha li ġew wara.
Il-Kostituzzjoni għal Malta Indipendenti kienet għaddiet mill-Parlament u approvata mill-poplu f’referendum fi Frar tal-1964. Nhar il-21 ta’ Settembru tal-1964 Malta saret uffiċjlament pajjiż indipendenti.
Borg Olivier kien miet fid-29 t’Ottubru tal-1980 bil-poplu jagħtih tislima xierqa fil-funeral statli li kien sar fil-Belt Valletta.
