Budget 2023 Lokali

“It-traffiku ta’ pajjiżna wasal fi stat diżastruż”

“It-traffiku ta’ pajjiżna wasal fi stat diżastruż.”

Hekk stqarrew magħna diversi persuni illi tkellmu dwar il-problema enormi tat-traffiku; kwistjoni li tibqa’ fil-quċċata tad-diskussjoni nazzjonali, hekk kif ta’ kuljum il-karozzi fit-toroq qegħdin jiżdiedu.

Net News żar il-Belt Valletta fejn in-nies qalulna fost l-oħrajn li it-toroq il-ġodda bilkemm taffew il-konġestjoni tal-traffiku. B’oħrajn jgħidu li diffiċli sabiex tinstab soluzzjoni għat-traffiku.

Bosta irrimarkaw li fil-Budget li ġie ppreżentat it-Tnejn li għadda, il-Gvern ma indirizzax il-problema tat-traffiku kif xtaqu. U jidher li din il-kwistjoni mhix prijorità għall-Gvern.

Uħud qalu wkoll li hemm bżonn tibdil fuq kif topera tal-linja għaliex għalkemm dan huwa servizz b’xejn mhuwiex wieħed effiċjenti. U għalhekk bosta nies jippreferu jużaw il-karozza personali tagħhom.

Fil-Budget, il-Gvern ikkonferma li għadu se jibda jiddiskuti kif se jtaffi l-isfida tat-traffiku f’Malta, deskritta minnu bħala waħda ewlenija.

Fid-diskors, il-Ministru Clyde Caruana sostna li se jagħmel dan billi jkellem lill-istakeholders konċernati sabiex numru ta’ servizzi fit-toroq ta’ pajjiżna ma jingħatawx qabel id-disgħa ta’ filgħodu. Madanakollu ma speċifikax liem servizzi huma dawn.

Imbagħad, aktar tard din il-ġimgħa, il-Ministru tat-Toroq Aaron Farrugia qalilna li se jinstalla cameras ma kullimkien biex jissorvelja t-toroq ta’ pajjiżna.