Raġel arrestat f’Settembru li għadda waqt operazzjoni kontra l-kriminalità fil-Marsa nżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati li ħataf ġiżirana minn għonq vittma anzjana jumejn qabel sar rejd mill-Pulzija. Iljasu Seidu, żagħżugħ mill-Ghana ta’ 23 sena ġie skortat mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għall-Qorti u wara li tressaq reġa’ spiċċa l-ħabs.
Il-vittma ta’ 81 sena kienet allegatament misruqa mill-ġojjellerija tagħha fl-20 ta’ Settembru bejn it-8.30pm u d-9.15pm fi Triq il-Kungress Marjan, il-Marsa. Jumejn wara, is-suspettat ittieħed fil-kustodja tal-pulizija wara li dawn segwew l-inħawi li hija magħrufa għad-delinkwenza u kriminalità.
Fir-rejds li saru madwar 50 persuna li nstabu jgħixu Malta b’mod irregolari kienu ġew arrestati. Intant, komplew l-investigazzjonijiet dwar ir-rapport tas-serq, li fl-aħħar wasslu għall-identifikazzjoni tas-suspettat li kien qed jinżamm f’Kordin.
Iż-żagħżugħ Afrikan, wieġeb mhux ħati tal-akkuża ta’ serq aggravat, reat ta’ ċerta portata għall-fatt li l-allegata vittma kienet anzjana. Ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u l-qorti, ippreseduta mill-maġistrat Charmaine Galea, żammet lill-akkużat taħt arrest preventiv. L-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia tħarrku. L-Avukat Mario Mifsud kien avukat difensur
//= $special ?>