Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Robert Mangion ikkundanna lill-Avukat tal-Istat biex jagħti kumpens ta’ €510,000 lis-sid tal-proprjetà lill-Għaqda Mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun fuq ksur tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
B’rabta ma’ dan kollu d-deċiżjoni tal-Qorti u tefgħet lill-Għaqda fi preokupazzjoni kbira wara li s-sentenza tgħid fi kliem sempliċi biex minn issa ’l quddiem ma tkomplix tistrieħ fuq il-liġi Maltija biex tkompli ġġedded il-kirja u tibqa’ tokkupa l-każin fi Triq il-Kbira San Ġużepp, fil-Ħamrun.
Fit-talba tagħha, is-sid sostniet li minħabba l-liġijiet ta’ Malta biex tipproteġi l-identità kulturali la tista’ tieħu lura l-każin u lanqas titlob kera adegwata xora waħda għamlet talba għall-iżgumbrament tal-Għaqda San Gejtanu mill-proprjetà tagħha fil-Ħamrun.
Minn stimi preżentati li saru minn Perit u li dawn ġew preżentati fil-qorti, il-każin ta’ San Gejtanu, mifrux fuq medda ta’ kważi 1,300 metru kwadru għandu valur ta’ madwar €2 miljun. Fis-sottomissjonjiet tiegħu, l-Avukat tal-Istat tenna li fost oħrajn li huwa fl-interess pubbliku li jkollna każini tal-banda mxerrda mal-irħula u l-ibliet Maltin u m’hemm xejn ħażin taħt il-Konvenzjoni Ewropea li l-liġi Maltija tiddisponi li l-kirjiet tagħhom għandhom jibqgħu jiġġeddu awtomatikament sakemm l-amministraturi tal-każin ikunu qed iħarsu l-kundizzjonijiet tal-kirja oriġinali.
Il-kuntratt ta’ kera f’dan il-każ skada f’Awwissu tal-1942 iżda l-Għaqda baqgħet bil-kera u l-protezzjoni tal-kirja kif regolat mill-Ordinanza tal-1931, illum Kap 69 tal-liġijiet ta’ Malta. Il-każini ma jistgħux jitqiegħdu fl-istess keffa ta’ każijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali u dan għax huma meqjusa bħala wirt nazzjonali.
Fis-senenza tagħha l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili qalet li l-każini tal-baned jagħtu sehem lill-komunità Maltija u huma parti integrali mill-ħajja soċjali u kulturali ta’ pajjiżna. Madankollu qal li dawn ma jistgħux jitqiegħdu fl-istess keffa bħal każijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali fejn ikun hemm riskju li familji jsibu ruħhom bla saqaf fuq rashom.
Il-Qorti qalet li tirrikonixxi l-fatt li bit-telf ta’ dawn il-każini, tintilef parti importanti mill-wirt storiku, kulturali u folkloristiku ta’ pajjiżna li fil-qasam tagħhom jikkontribwixxu għall-identità Maltija, daqstant ieħor hu minnu wkoll li dan l-interess ġenerali huwa inqas minn dak fir-rigward ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Il-Qorti qalet li l-liġi kif emendata fl-2014, xorta baqgħet titfa’ piż sproporzjonat fuq is-sid biex jagħmel tajjeb u jerfa’ l-piż waħdu biex jiġu protetti l-għaqdiet mużikali fil-fondi minnhom mikrija. Fil-likwidazzjoni għad-danni, il-qorti qieset mhux biss il-piż kbir ta’ kirja baxxa li s-sid kellha ġġorr għal għaxieren ta’ snin biex l-Għaqda Mużikali tibqa’ tokkupa post prominenti fil-qalba tal-ħajja kummerċjali tal-Ħamrun, iżda bil-liġi speċjali tal-kera kif inhi, sid il-kera m’għandha ebda ħjiel meta se tieħu lura l-każin fid-dawl tal-fatt li l-kirja hija indefinita.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Mangion qal li b’differenza tal-kirjiet residenzjali fejn saru emendi leġislattivi li jindirizzaw l-iżbilanċ enormi bejn l-interess tas-soċjeta u tas-sid, fil-kwistjoni tal-każini b’kirja baqa’ ma sar xejn. Dwar it-talba tas-sid biex l-Għaqda San Gejtanu tiġi żgumbrata mill-każin, il-qorti qalet li huma l-qrati u t-tribunali ordinarji li għandhom jiddeċiedu dwar din it-talba.
Il-Qorti iżda qalet li ma tara l-ebda triq oħra ħlief li tordna li minn issa ’l quddiem, is-Soċjetà Mużikali ta’ San Gejtanu m’għandhiex tkompli tistrieħ fuq id-dispożissjonijiet tal-liġi ta’ Malta biex tkompli ġġedded il-kirja u tibqa’ tokkupa l-Fond b’titolu ta’ kera.
//= $special ?>