Internazzjonali

L-attakki tar-Russi fuq l-Ukrajna jkomplu jaffetwaw il-provvista tal-elettriku

Fl-aħħar sigħat issoktaw l-attakki tar-Russi fuq numru ta’ bliet Ukreni, kif ukoll zoni kruċjali madwar il-pajjiz. Dawn l-attakki, fil-maġġoranza tagħhom, qed isiru mill-ajru.

L-awtoritajiet Ukreni qed iwissu lill-poplu Ukren li minħabba dawn l-attakki mat-30% tal-Belt Kapitali tinsab mingħajr provvista tal-elettriku.

Filgħodu wkoll komplew l-attakki fuq Zaporizhzhia, il-belt fejn hemm l-akbar powerstation nukleari fl-Ewropa. 

F’diskors mill-President Ukren Volodymyr Zelensky, intqal li dan kollu żgur mhux se jaqta’ qalb il-poplu tiegħu; anzi b’aktar grinta se jkun qed jiġġieled għal-libertà u s-sovranità tiegħu.

Fortunatment ħafna zoni residenzjali għad għandhom provvista tad-dawl, iżda fit-toroq m’hemmx elettriku.

Fl-aħħar jiem, l-UE u bosta pajjiżi tal-Punent ikkundanaw dawn l-attakki fuq zoni residenzjali u fuq iċ-ċivili, bil-mexxeja tal-Punent jgħidu li Putin u l-Kremlin qed iwettqu kontinwament kriminalità kontra l-umanità.

Intant matul il-jum, skont l-Ukreni, ir-Russi taw indikazzjonijiet li se jkunu qed joħorġu minn Kherson. L-Ukreni qed jgħidu li qed ikomplu javvanzaw fit-territorji li sa Frar kienu għadhom taghhom, u l-Gvern ta’ Kiev qed ibassar li sa Novembru se jillibera lil din il-belt.

U fi żviluppi oħra, fil-Krimea, ġurnalista tilfet ħajjitha hekk kif intlaqtet minn bullet waqt it-taħriġ li kienu qed jagħmlu xi suldati Russi. Svetlana Babayeva, mietet f’dan l-inċident sfortunat wara li ntlaqtet b’tir f’rasha.

Fil-Krimea wkoll ir-Russi qalu li rnexxielhom jeqirdu ammont ta’ bombi li tul il-lejl intefgħu mill-Ukrajna fuq ir-reġjun, bir-resistenza mis-suldati tar-Russja mhix qed tonqos.

Minkejja dan, l-armata ta’ Zelensky qed tkompli tissaħħaħ. Filfatt, fl-aħħar sigħat sar magħruf ukoll li fi Kiev wasslu numru ta’ armamenti ġodda mill-Punent li se jkunu qed jgħinu fil-protezzjoni tal-Belt mill-attakki mill-ajru.