Internazzjonali

L-Istati Uniti: Paul Pelosi mistenni li jirkupra wara li kien attakkat b’martell

Ir-raġel tal-kelliem tal-kamra tar-rappreżentanti tal-Istati Uniti Nancy Pelosi mistenni jirkupra wara li kien ġie attakkat b’martell il-Ġimgħa fir-residenza tiegħu stess.

F’dan l-attakk Paul Pelosi li għandu 82 sena sofra minn ġrieħi f’rasu kif ukoll f’idejh il-leminija. L-attakk qajjem biża’ dwar il-vjolenza politika fit-tħejjija għall-elezzjonijiet ta’ nofs il-mandat li se jsiru fit-8 ta’ Novembru li ġej.

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden ikkundanna dan l-attakk u saħaq li hemm bżonn li tittieħed azzjoni kontra dawn l-individwi li jipparteċipaw f’attakki ta’ vjolenza politika.

Is-suspettat f’dan l-attakk huwa David Depape ta’ 42 sena li insista li ried jiltaqa’ ma Nancy Pelosi. Il-Pulizija qed tittratta dan il-każ bħala attentat ta’ qtil iżda għad m’hemmx motiv stabbilit.