Fi kliem il-President tal-MHRA Tony Zahra, jeħtieġ li l-karatteristiċi uniċi tal-Belt Valletta ma jintilfux.
Kienet din it-twegiba li tana meta kien mistoqsi dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-Belt Valletta, wara li il-Gvern qabad u daħħal legal notice li tippermetti d-daqq tal-mużika sas-1am – sitwazzjoni li għadha qed toffri ħafna problemi mhux biss għar-residenti iżda anki għall-operaturi nfushom.
L-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lir-ristoranti u l-lukandi dejjem insistiet fuq il-fatt li filwaqt li tissapportja l-kunċett ta’ attività kummerċjali fil-Belt, il-mod kif dan qed iseħħ qed jissarraf fi ħsara kbira fejn jidħol it-turiżmu li qed jagħżel li joqgħod fil-kapitali għall-btala.
Fil-kummenti tiegħu, Tony Zahra qal li f’pajjiżna jeħtieġ li jkun hawn zoni li jippermettu dan l-istorbju, u zoni oħra li ma jippermettux dan.
Bosta saħqu li din l-emenda legali qed tpoġġi f’riskju kbir li l-Belt Valletta issir destinazzjoni oħra ta’ nightclubs – xi ħaġa li m’għandhiex tkun fil-mira ta’ kull min għandu għal qalbu l-prinċipji ta’ għanijiet ta’ tkabbir ta’ turiżmu sostenibbli. Oħrajn irrimarkaw kif fil-qalba ta’ dan l-istorbju għadd hemm numru ta’ familji li ta’ kuljum għadhom qed jaffaċjaw din il-problema.
L-MHRA għal darb’oħra qalet li qed tissokta bid-diskussjonijiet mal-Gvern biex tiżgura li l-liġi emendata ma tispiċċax loophole fis-sistema li tibdel il-Belt Valletta f’destinazzjoni oħra għat-turiżmu tal-massa.
//= $special ?>