Lokali

Passiġġier iweġġa’ gravi wara li x-xufier baqa’ dieħel f’mutur ipparkjat

Ritratt mill-Arkivji

Raġel ta’ 35 sena residenti ż-Żejtun weġġa’ gravi f’inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żabbar. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2am fi Triq is-Santwarju.

Permezz ta’ stqarrija l-pulizija qalu li r-raġel kien passiġġier f’karozza Toyota Corolla li kienet qed tinstaq minn żagħżugħ ta’ 24 sena, residenti ż-Żejtun ukoll, li għal xi raġuni tilef il-kontroll u ħabat ma’ mutur Honda li kien ipparkjat.

Filwaqt li s-sewwieq ma sofra l-ebda ġrieħi, tim mediku assista lill-passiġġier u permezz t’ambulanza ttieħed l-isptar. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.