Lokali

“Iċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-politika tal-PN” – Bernard Grech

Għalina l-familja, il-persuna, hija fiċ-ċentru tal-politika tagħna, għall-Partit Nazzjonalista l-poplu jiġi l-ewwel u qabel kollox u se nibqgħu nistinkaw sabiex ikollok preżent u futur dejjem aħjar.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħodu indirizza attività politika fil-Każin tal-Partit Nazzjonalsita fiż-Żurrieq lejlet ir-replika għall-budget tat-Tnejn waranofsinhar fil-Parlament.

Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzonalista għandu viżjoni li jgħolli ‘l fuq lill-familji Maltin u Għawdxin.

Huwa insista dwar l-importanza li kull individwi m’għandux jgħix biex jaħdem, iżda jaħdem sabiex għix, biex igawdi lil uliedu u lil ulied uliedu bil-għan li verament jgħix ħajja li tixraqlu.

Bernard Grech insista li meta l-Gvern tal-Labour jgħid li żiedlek il-paga sabiex jgħinek tindirizza l-għoli tal-ħajja qiegħed jigdeb. Dan għaliex mhux veru li l-Gvern innifsu qiegħed jagħtik iż-żieda, iżda l-piż kollu kemm hu jinsab fuq min iħadmek.

Dan filwaqt li saħaq li fil-budget indirizzat mill-Ministru Clyde Caruana intqalu diversi wegħdiet riċiklati bħal fost oħrajn il-bini tal-Isptar il-ġdid għal kura psikjatrika…fejn insista li għadhom lanqas għandhom il-pjanti lesti…għal wegħda li ilha tissemma mill-2013.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalsita saħaq li jifhem li matul leġiżlatura Gvern jinqalgħulu affarijiet minn taħt ir-riħ, iżda sostna li dan il-Gvern qiegħed jindirizza biss il-kriżijiet u m’għandux viżjoni fit-tul għal pajjiżna.

Huwa insista li l-politika f’pajjiżna għandha tkun waħda li verament taprezza lill-persuna, li tappreza x-xogħol u l-valur tagħha.

Dan filwaqt li stqarr li kien Gvern Nazzjonalista li welled il-Kunsilli Lokali sabiex verament il-Gvern ikollu l-polz tal-poplu u jaqdi l-ħtiġijiet taċ-ċittadin. Minflok, Gvern tal-Labour qed jeqred għal kollox dawn il-Kunsilli fejn fi kliemhom stess…ġabhom customer care u lanqas biss jikkonsulta magħhom.

Għaldaqstant Bernard Grech insista li għall-Partit Nazzjonalista l-persuna tiġi l-ewwel u qabel kollox.