Anzjan ta’ 68 sena miż-Żurrieq li huwa magħruf sew mal-Pulizija, tant li għand kondotta kkulurita ta’ 47 paġna u li uża kliem vulgari lejn il-gwardjani tal-ħabs ma nstabx ħati li heddidhom jew li prova jinfluwenzahom waqt il-qadi ta’ dmirhom.
Din is-sentenza ngħatat mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera wara li Joseph Zahra appella mis-sentenza li fiha kien weħel multa ta’ €800, liema multa issa ġiet iffrankata. F’Lulju, 2018, waqt li kien il-ħabs, Zahra insulenta żewġ uffiċjali tal-ħabs waqt li kienet qed issir żjara f’diviżjoni sitta mill-ex direttur tal-ħabs Alex Dalli.
Mill-provi fil-Qorti ħareġ li huwa kien qalilhom kliem offiż kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. L-Imħallef Scerri Herrera qalet li minkejja li uża kliem offensiv u vulgari, dan il-lingwaġġ ma jistax jitqies bħala theddid. Għaldaqstant, laqgħet l-appell.
Zahra ilu dieħel u ħiereġ il-ħabs minn mindu kellu 18-il sena bill-kondotta tibda tiġi mtappna sa mill-1963. L-aħħar darba li tressaq il-Qorti kien f’Marzu li għadda meta ġie mixli li hedded maġistrat u għadd ta’ uffiċjali tal-Pulizija. Zahra ġie akkużat ukoll li f’Diċembru li għadda seraq mobile.
Fżkaż ieħor ukoll matul din is-sena l-anzjan kien ġie mwissi kemm-il darba iżda baqa’ jinjora l-ordnijiet tal-Qorti. Fil-fatt għal darbtejn huwa nstab ħati ta’ disprezz u ġie mmultat €2,000. Il-prosekuzzjoni qalet li s-sitwazzjoni eskalat sal-punt li l-anzjan tkeċċa mill-awla u kompla jhedded lill-uffiċjali tal-Pulizija fil-binja tal-Qorti.
//= $special ?>