Internazzjonali

Il-Brażil: Stennija għall-President ġdid…Il-mument tal-verità għal Bolsonaro u Lula da Silva

Il-poplu Brażiljan jinsab ansjuż biex ikun jaf jekk pajjiżu – bħala r-raba’ l-akbar demokrazija fid-dinja – għandux jibqa’ amministrat mill-President radikali tal-lemin, Jair Bolsonaro, inkella jdawwarx il-paġna lura  għat-tmexxija tal-eks President Brażiljan tax-xellug, Luiz Inacio Lula da Silva.

It-tieni fażi tal-votazzjoni se tagħlaq matul il-lejl u wara li Lula da Silva, il-kandidat tal-Partit tal-Ħaddiema, kien kiseb vantaġġ ta’ ħames punti perċentwali fuq Bolsonaro, tal-Partit Liberali, waqt l-ewwel rawnd tal-elezzjoni li kien sar daqs xahar ilu.

Intant, kollox kien qed jindika l-aħħar fażi tat-tellieqa missielta għall-aħħar – bir-rebbieħ għandu jieħu l-ġurament bħala l-President tal-Brażil f’Jannar.

Il-votazzjoni qed issir bil-mezzi elettroniċi, bil-Kummissjoni Elettorali twiegħed li r-riżultat se jkun magħruf sa ftit sigħat wara l-għeluq tal-proċess.

Filwaqt li Bolsonaro, fl-ewwel rawnd, kien rebaħ aktar voti milli indika l-istħarriġ popolari, ir-rivali tiegħu, Lula, minkejja l-vantaġġ, ma rnexxielux jikseb il-50 fil-mija tal-voti validi għal rebħa awtomatika.