‘Il fuq minn 100 persuna tilfu ħajjithom b’kaġun ta’ żewġ splużjonijiet ta’ karozzi mimlijin bl-isplussivi li seħħew qalb zona attiva fil-kapitali Somala Mogadishu. L-isplużjonijiet seħħew ftit minuti ‘il bogħod minn xulxin u fihom, fost oħrajn, inqerdu numru ta’ bini u karozzi fil-viċinanzi.
Il-President tas-Somalja, Hassan Sheikh Mohamud, filwaqt li kkundanna bla riservi dan l-attakk brutali, qal li l-vittmi tal-massakru kienu jinkludu ommiijiet li dak il-ħin kienu qed iġorru t-trabi u tfal żgħar f’idejhom.
Hu, issa, qed jappella għall-għajnuna medika minn barra l-pajjiż bil-għan li l-awtoritajiet lokali jlaħħqu mal-emerġenza umana.
Fl-isplużjonijiet irriżultaw anki ‘il fuq minn 300 midruba li ħafna minnhom kienu dikjarati f’sitwazzjoni kritika.
Min-naħa tagħhom, il-President u l-Gvern tas-Somalja qegħdin jakkużaw lill-militanti tal-grupp Iżlamiku terroristiku al-Shabab għall-isplużjonijiet li dehru intiżi biex jolqtu direttament lill-bini tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-websajt tal-Ġiħadisti Iżlamiċi rapporta li ‘il-militanti tal-al-Shabab kienu tassew responsabbli mill-attakk’ bħala parti mill-konflitt tagħhom mal-Gvern federali Somalu. L-al-Shabab huwa fergħa tal-moviment al-Qaeda u meta hu wkoll wieħed mill-aktar gruppi terroristiċi attivi fir-reġjun.
Sadanittant, il-President Mohamud, li ilu fil-poter għal ħames xhur biss, wiegħed li pajjiżu għandu jiġġieled ‘gwerra totali’ kontra t-terroristi Iżlamiċi li qed jippersistu b’kampanja ta’ vjolenza kontra l-Gvern u ċ-ċivili Somali.
//= $special ?>

