Futbol Sport

Jake Grech isalva punt għal Hibernians

Matthias Mizzi

MARSAXLOKK…………..1

HIBERNIANS….……1

Marsaxlokk: D. Marko, C. Edafe, A. Attard (D. Mifsud 80’), K. Keqi (S. Moracci 72’), O. Serrano, A. Ferraris, O. Cariello, L. Aguirre, D. Vukovic, D. Agius, T. Fonseca

Hibernians: I. Kone, F. Apap, G. Llerena, T. Aldama, J. Grech, J. Degabriele, B. Kristensen (A. Diakite 75’), D. Vella G. Artiles, Y. Muritala,

Imwissija: O. Carniello 14’ (MXK), L. Aguirre 18’ (MXK), G. Bravo 21’ (HIB), B. Kristensen 33’ (HIB), J. Degarbiele 59’ (HIB), D. Vella 90’ (HIB), J. Zerafa 90’ (HIB), D. Vella 90+2’ (HIB)

Imkeċċi: D.Vella 90+2’ (HIB)

Skorjaw: S. Moracci 75’, J. Grech 89’

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Duncan Sultana & Thomas Debono

Il-Mument Plejer tal-Logħba: Jake Grech (HIB)

BOV Plejer tal-Logħba: Walter Serrano (MXL)

Tmiem mill-aktar eċitanti b’gowl fuq kull naħa fl-aħħar kwarta logħob. Minkejja li fuq il-karta Hibernians kienu aktar kwotati, Marsaxlokk offrew oppożizzjoni mill-aqwa għaċ-Champions tant li huma kienu ftit mumenti ‘l bogħod milli jakkwistaw it-tielet rebħa konsekuttiva.

L-ewwel xutt tal-partita wasal mill-plejer ta’ Hibernians Yunusa Muritala li mill-viċin falla ċans ta’ gowl wara pass preċiż ta’ Jurgen Degabriele. Ċans ieħor tad-deheb għall-Pawlisti hekk kif fil-21 minuta d-difensur Arġentin ta’ Marsaxlokk Walter Serrano mblokka minn fuq il-linja xutt b’saħħtu fil-baxx ta’ Jake Grech.

Wara din l-opportunità ż-żewġ naħat kienu fjakki mill-attakki perikolużi b’ħafna logħob fin-nofs sakemm fis-57 minuta Ocar Carniello laqat il-lasta b’xutt mill-viċin, bil-ballun baqa’ fil-kaxxa sakemm l-goalkeeper Kone salva. Hibernians wieġbu minuta biss wara b’daqqa ta’ras ta’ Muritala li ġiet salvata mingħajr wisq diffikultà minn Kone. Hibernians komplew jippersistu biex din id-darba l-ex plejer tagħhom Ayrton Attard tajjar il-ballun minn fuq il-linja fatali wara xutt bil-mod ta’ Gabriel Mensah. Kontra kull mistenni Marsaxlokk fetħu l-iskor kwarta mit-tmiem b’xutt tas-sostitut Santiago Moracci li kien ilu fil-ground tliet minuti biss u ma ta l-ebda ċans lil Kone biex jilqa’. Hekk kif deher li t-tliet punti kienu se jmorru għal għand Marsaxlokk, Jake Grech tefa’ lill-partitarji Pawlisti f’delirju ta’ ferħ b’xutt mill-isbaħ li ma ta l-ebda ċans għal Marko biex isalva. Żewġ minuti fuq il-ħin, Hibernians sfaw jilagħbu bi plejer inqas wara li Dunstan Vella rċieva t-tieni karta safra għal imbottatura evitabbli. B’hekk Hibernians fallew ukoll milli jkomplu fuq ir-rebħa tal-ġimgħa kontra Gudja.